Tliet Bulgari, żewġ nisa u raġel- fosthom omm u binha, kienu kkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin mill-Maġistrat Nadine Lia wara li ammettew li serqu handbags u b’card li sabu f’wieħed minnhom u li ġibdu flus mill-ATMs.
Gergina Aleksandrova ta’ 68 sena u binha Zlatko Aleksandrov ta’ 46 sena, kif ukoll Eftima Aleksandrova ta’ 27 sena, ammettew li f’Settembru tas-sena li għaddiet serqu żewġ handbags mill-Belt u ġibdu €600 minn ATM permezz ta’ card li sabu f’wieħed minnhom. Huma ppruvaw jiġbdu l-istess ammont b’card oħra li sabu mill-handbag l-ieħor.
It-tliet Bulgari ammettew ukoll li fl-istess xahar serqu handbag ieħor mill-Belt u kartiera minn Tas-Sliema. Il-Qorti qalet li hija riedet issib bilanċ bejn l-aspett riformattiv tal-akkużati u l-ħarsien tas-soċjetà. Kien fuq dan il-binarju li ġew kundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Daryl Borg u Gabriel Micallef.
//= $special ?>