Raġel ta’ 27 sena residenti Santa Venera jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident li seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija f’Dawret San Pawl il-Baħar, San Pawl il-Baħar.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta
bejn mutur Honda misjuq minn raġel ta’ 27 sena u Mazda Demio misjuqa minn raġel ta’ 62 sena residenti Birkirkara.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa, fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>