Lokali Qorti

Ħabs għall-koppja fuq serq

Kyle Mifsud ta’ 21 sena, residenti Bormla u Donna Camilleri ta’ 37 sena li toqgħod Santa Luċia ammettew serq ta’ mobile minn residenza f’Bormla u flus kontanti minn residenza privata fil-Birgu. Iż-żagħżugħ ammetta wkoll li hedded uffiċjal tal-Pulizija waqt li qadi ta’ dmirijietu.

Fuq ammissjoni tagħhom il-Magistrat Yana Micallef Stafrace sabet lill-imputati hatja u kkundannat lir-raġel sentejn u tlett xhur habs filwaqt li lil Dona Camilleri ġiet ikkundannata 19 il-xahar prigunerija. Il-Qorti ħarġet ordni tat-trattament għad-droga fuq il-koppja.

Is-serq tal-mobile seħħ fit-18 ta’ Awwissu li għadda bejn it-3am u l-5am. Il-flus kontanti nsterqu meta kienet sgassata residenza nhar it-Tnejn li għadda bejn it-3pm u l-5pm. Sadanittant it-theddid fuq uffiċjal tal-Pulizija minn Mifsud sar nhar it-Tlieta li għaddew waqt li kuntistabbli kien qed jaqdi dmiru.

Huwa ammetta wkoll li ffalsifika dokumenti f’Diċembru tas-sena 2021 u Jannar tal-2022 u li permezz tagħhom għamel qliegħ ta’ aktar minn 500 ewro imma anqas minn 5,000 ewro. Ammetta wkoll li għamel falsifikazzjoni f’att tal-Gvern u laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magri.