Ħadd ma weġġa’ wara li ftit tal-ħin ilu ċediet parti mis-saqaf tal-iskola ta’ Ħal Għaxaq.
Skond informazzjoni li waslet lil NetNews jidher li fil-ħin li fih waqa’ parti mis-suffett kien hemm fis-sala kemm għalliema kif ukoll numru ta’ studenti. U minkejja li dawk preżenti ħelsuha ħafif … spiċċaw ħadu qatgħa kbira x’ħin raw is-suffett bl-affarijiet li kien hemm fih neżlin għal isfel. Tant li persuna li kkuntatjatna qaltilna li huwa b’miraklu li ħadd ma weġġa’.
Ġenituri li tkellmu ma’ NetNews qalulna li jinsabu maħsuda immens b’dak li seħħ, u qatt ma pretendew li fi skola rinnovata seta’ jiġri każ bħal dan. Għalkemm persuna oħra qaltilna li din is-sala kif ukoll is-saqaf tagħha kien tlesta malajr – fi ftit jiem. Dan minkejja li x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq din l-iskola kien ilu li beda aktar minn 12-il xahar qabel bdiet is-sena skolastika l-ġdida.
Il-proġett f’din l-iskola, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Benedittu, kien inkluda l-bini ta’ sular ġdid fuq il-binja eżistenti.
Intant, Justin Schembri, il-Kelliem tal-Edukazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista qal li f’dan il-kuntest, wieħed jistaqsi kemm huwa kredibbli x-xogħol li qiegħed isir mill-FTS f’diversi skejjel madwar Malta u Għawdex u kemm il-ġenituri u l-edukaturi jistgħu jserrħu rashom. U kien hawnhekk fejn ħeġġeġ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jagħti tali assigurazzjoni immedjatament sabiex l-istudenti u l-edukaturi jkunu siguri.
//= $special ?>