Lokali

Il-call centre ta’ HSBC Global Services UK fis-Swatar se jkeċċi 200 ħaddiem

HSBC Bank Malta p.l.c jgħidu li ma hemm l-ebda impatt fuqha

 HSBC Global Services UK Contact Centre …fi Swatar, avżat lil 200 ħaddiem li sa Ġunju 2024 se jispiċċaw mingħajr xogħol.

Il-Bank informa lill-impjegati tiegħu f’laqgħa l-Ħamis waranofsinhar li se jkunu qed jagħlqu l-call centre fis-Swatar bħala eżerċizzju ta’ ristrutturazzjoni.

Intant, HSBC Malta p.l.c preċiża jgħid li ma hemm l-ebda impatt fuq l-operazzjonijiet tagħha.

Il-bank spjega li HSBC Global Services Limited Malta Branch jew aħjar HSMB, lokalment ukoll magħrufa bħala HSBC Swatar Contact Centre, hija entità legali separata minn HSBC Bank Malta p.l.c.

Hija sservi esklussivament lill-HSBC UK Bank plc, u primarjament tipprovdi servizz lill-konsumatur u customer due diligence lill-klijenti fir-Renju Unit.

Id-deċiżjoni li jingħalqu l-operazzjonijiet taċ-ċentru waslu wara reviżjoni estensiva tal-postijiet li jservu lill-klijenti tal-HSBC UK Bank plc. L-għeluq għandu l-għan li jikseb aktar konsolidazzjoni u razzjonalizzazzjoni taċ-ċentri ta’ kuntatt reġjonali.

L-HSMB timpjega madwar 200 persuna, li se jkunu suġġetti għall-politika ta’ tmiem ta’ impjieg tal-kumpanija.

L-HSBC se jappoġġja lill-impjegati tiegħu hekk kif jesploraw opportunitajiet alternattivi. L-Awtoritajiet diġà kellhom diskussjonijiet dwar il-possibbiltà għal opportunitajiet ġodda f’contact centres lokali oħra għal l-impjegati milquta.