Wara li l-Gvern ta’ Robert Abela ivvota favur l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-vapuri li jidħlu bil-merkanzija fil-portijiet tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea, issa donnu li waqa fil-muta u mhu jgħid xejn rigward l-impatt li din id-deċizjoni se tħalli fuq l-ekonomija Maltija u fuq il-konsumaturi.
Kienet din il-konkluzjoni tal-editorjal tal-Malta Business Weekly illi esprima tħassib serju dwar din il-kwistjoni tat-taxxa l-ġdida fuq il-vapuri. Bil-gazzetta tistaqsi wkoll jekk meta ivotta favur din it-taxxa il-Gvern kienx ħa in kunsiderazzjoni l-impatt negattiv li din se jkollha – specjalment fuq l-impjiegi.
Il-liġi li vvota favuriha l-Gvern tinkludi taxxa ġdida fuq il-vapuri li jidħlu bil-merkanzija fil-portijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk tgħodd ukoll għall-Port il-Ħieles.
Sintendi din it-taxxa li mistenija tidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej, ma tapplikax għal portijiet oħra bħal dawk tal-Afrika ta’ fuq; u għalhekk portijiet bħal dawn se jkunu ħafna iktar affordabli…bil-possibbiltà li l-Freeport jitlef ħafna xogħol.
Fi kliem sempliċi, l-editorjal qal li din il-mossa mhux talli hija ta’ żvantaġġ kbir għal portijiet tal-Unjoni Ewropea, talli ser tkun qed tagħmel ftit li xejn ġid lill-ambjent hekk kif il-merkanzija sempliċiment ser tkun qed titpoġġa f’portijiet oħrajn – waqt li l-vapuri xorta ser jarmu l-emissjonijiet.
Esperti qed jgħidu illi wara li l-Gvern baqa’ ċass quddiem dan kollu Malta kapaċi ma tibqax iċ-ċentru tat-trasport bil-vapuri, hekk kif kumpaniji kbar jafu jibdew jagħmlu użu minn portijiet differenti.
Apparti minn hekk, il-merkanżija li tasal Malta se jibda jkollha piż finanzjarju addizzjonali; piż li jrid jinġarr min-negozji Maltin u eventwalment jaf ifisser żieda fil-prezzijiet ta’ diversi prodotti impurtati.
//= $special ?>