Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’abbozz ta’ liġi favur id-drittijiet tal-bniedem

Fil-liġi Maltija għandna anomalija u għaldaqstant tressaq abbozz sabiex tnax-il protokolli favur id-drittijiet tal-bniedem jidħlu fis-seħħ immedjatament. Dan għaliex minkejja li suppost ġew introdotti fl-2016…l-Istat Malti għadu qed jinjorahom.

Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina meta flimkien mad-Deputati Claudette Buttigieg u Paula Mifsud Bonnici ħabbar li tul il-jum tal-Ħamis il-Partit Nazzjonalista ressaq abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea; ċioè 12-il protokolli li suppost ġew introdotti f’April tal-2016.

L-abbozz jiffoka fuq il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni – jiġifieri li tiżgura li l-liġi tkun mingħajr diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni bħal sess, razza, kulur, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew oħra, oriġini nazzjonali jew soċjali, assoċjazzjoni ma’ minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid jew status ieħor.

Dan filwaqt li ħadd m’għandu jkun iddiskriminat minn kwalunkwe awtorità pubblika għal raġunijiet bħal dawk imsemmija.

Karol Aquilina insista li la darba din il-liġi tiġi introdotta… din se tkun tapplika minn April tal-2016 ‘il quddiem.

Minn naħa tagħha, Claudette Buttigieg saħqet li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien minn ta quddiem sabiex jintroduċi liġijiet bħal dawn; mhux biss fil-Gvern iżda anke mill-Oppożizzjoni – garanzija assoluta li l-Partit Nazzjonalista jinsab fuq in-naħa taċ-ċittadin.

Paula Mifsud Bonnici spjegat li l-ħidma trid tkun waħda solidali anke fil-Parlament. Hija saħqet li lura fil-11 ta’ Lulju tal-2022, il-Partit Nazzjonalista kien bagħat ittra lid-deputat Prim Ministru Chris Fearne fejn fiha ressaq numru ta’ proposti fosthom; li darba f’ġimgħa l-Prim Ministru jkollu ħin allokat għalih b’domandi parlamentari mwieġba direttament minnu, li l-Oppożizzjoni jkollha aktar ġranet allokati għal ħidma parlamentari, u li l-Parlament innifsu jiddiskuti r-rapporti tal-Ombudsman….

Madanakollu, kważi sena u nofs wara….għadhom mingħajr risposta.

Karol Aquilina qal li ċertament ma kienx hemm bżonn li dawn il-protokolli jdumu 8 snin sabiex jidħlu fis-seħħ fil-liġi Maltija – iżda minħabba t-tkaxkir tas-saqajn, il-Partit Nazzjonalista qed jieħu l-inizjattiva u b’insistenza qed jitlob biex il-poplu jkollu l-għodda legali li ħaqqu bi dritt.