Il-President tar-Russja Vladimir Putin qal li pajjiżu jkun lest ‘biss’ li jagħmel il-paċi mal-Ukrajna ladarba jilħaq it-tragwardi militari kollha fil-gwerra (fl-artijiet Ukreni) li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.
Il-kumment ta’ Putin qed juri li l-Kremlin ta’ Moska għadu determinat biex ikompli bil-konflitt għat-tul taż-żmien. Dan waqt li l-President Putin saħaq li s-sitwazzjoni għas-suldati tiegħu ‘qed taqleb dejjem għall-aħjar’ fuq diversi fronti tal-gwerra.
Il-President Putin — waqt li kien qed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet ‘maratona’ – kompla jirreferi għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata Russa bħala ‘kampanja militari speċjali’.
Putin żied li l-ekonomija tar-Russja tinsab b’saħħitha għal pajjiż li ilu jiġġieled gwerra għal kważi sentejn. U l-President Russu sostna li l-Armata tiegħu se tinsisti biex ‘telimina lin-Nażisti fost it-Tmexxija Ukrena’ filwaqt li taċċerta ‘mill-istatus newtrali tal-Ukrajna’….Tragwardi li Putin ilu jenfasizza mill-bidu ta’ din il-gwerra u meta hu, fl-aħħar sigħat, żvela li fil-preżent hemm mas-617,000 suldati Russi jiġġieldu fl-Ukrajna.
Vladimir Putin spjega li mhumiex jonqsu r-Russi li huma lesti biex jiġġieldu fl-interessi ta’ art twelidhom u meta skont hu, il-Kremlin mgħandux bżonn ta’ ‘mobilizzazzjoni kbira oħra’ biex ikompli b’din il-gwerra.
Filwaqt li r-Russja tilfet numri ‘insostenibbli’ ta’ suldati matul il-gwerra, Putin ma rrefera xejn għas-suldati li ħallsu b’ħajjithom f’dawn ix-xhur ta’ gwerra.
Dan ukoll meta rapport klassifikat tas-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti qed jikkalkula li ‘il fuq minn 315,000 truppi Russi mietu jew sfaw feruti mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna….Statistika li skont ir-rapport tirrifletti ‘madwar 90 fil-mija tal-elementi militari ta’ Moska waqt l-ewwel ġranet tal-invażjoni.’
//= $special ?>