Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Mellieħa jtemmu l-ewwel round mingħajr telfa

Colin Schembri

Hibernians……………83

Sigma Depiro………..77

(30-22)(15-17)(18-21)(20-17)

Hibernians ħadu rebħa mportanti fit-tellieqa għal post fil-play-offs meta għelbu lil Sigma Depiro hekk kif iż-żewġ timijiet bdew din il-partita b’żewġ rebħiet u żewġ telfiet. Il-partita kellha bidu bilanċjat fejn wara li Hibs għamlu l-ewwel żewġ baskets minn Ivan Demcesen u Mason Hix, Depiro għamlu seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Miguel Brincat. Il-partita kompliet bil-punti ta’ Calvin Whipple u Nikola Vasovic għal Hibs però Depiro kellhom ukoll il-baskets minn Nenad Bukva u Kameron Rooks biex sat-tmien minuta Hibs kienu basket minn fuq 16-14. Depiro kellhom trippla minn Nikola Bozovic iżda Hibs ukoll kellhom it-trippli minn Vasovic u Hix biex temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 30-22. Fit-tieni perjodu kien hemm mill-ġdid trippla fuq kull naħa minn Hix u Bozovic però break qasir ta’ 6-1 minn Hibs rahom jiftħu vantaġġ ta’ 11 -il punt 41-30. Depiro kellhom risposta b’run ta’ 9-2 bil-punti ta’ Bozovic u Cameron Cornelius biex fl-intervall Hibs kienu 45-39 minn fuq.

It-tielet taqsima rat lil Depiro jiftħu l-aħjar speċjalment bi break ta’ 13-1 b’diversi punti ta’ Rooks u Bozovic u marru fuq quddiem 52-49. Hibs waqqfuhom bi trippla ta’ Hoix flimkien mal-punti ta’ Anton Axiaq u Whipple. Depiro żammew vantaġġ ta’ erba’ punti 60-56 qabel ma Hibs għalqu t-taqsima bi break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Hix għal skor ta’ 63-60. Lejn tmiem it-taqsima, Hibs tilfu lil Whipple b’injury u ma kompliex il-partita. Fl-aħħar perjodu Depiro reġgħu ħadu l-vantaġġ bi trippli minn Andrew Aquilina u Cornelius però tilfu lil Bozovic bil-ħames foul. Sas-seba’ minuta, Depiro kienu għadhom basket minn fuq 75-73 wara punti minn Miguel Mallia iżda hawn Hibs kellhom sitt punti mingħajr risposta minn Demcesen u Vasovic biex marru erbgħa minn fuq u minkejja l-isforzi finali Depiro ma rnexxielhomx isalvaw il-partita li ntemmet b’dunk ta’ Hix fuq fast break għal skor finali ta’ 83-77.

Hibernians: C. Whipple 11, P. Attard, B. Zammit, L. Attard, N. Vasovic 19, A. Axiaq 2, R. Aquilina, M. Attard 12, M. Hix 21, I. Demcesen 18, S. Simic.

SIGMA Depiro: L. Trapani, N. Bozovic 13, A. Aquilina, N. Grech, K. Rooks 26, M. Brincat 3, M. Mallia 10, C. Cornelius 15, N. Bukva 5, M. Debattista.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono, Nestor Rincon

Luxol…………………………………….96

Mellieħa Libertas Spalding…..108

(21-30)(14-26)(21-25)(38-27)

Mellieħa Libertas Spalding temmew l-impenji tagħhom fi tmiem l-ewwel round bis-sitt rebħa minn daqstant partiti wara li għelbu lil Luxol 108-96. Dan ir-riżultat ħalla lil Luxol b’rebħa waħda biss fil-kampjonat minkejja it-28 punt ta’ Nathan Xuereb u il-21 ta’ Tariq Woody. Minn naħa l-oħra, l-Amerikan ta’ Mellieħa Tederick Wolfe kompla bil-wirjiet mill-aqwa tiegħu, f’xi waqtiet ukoll spettakolari

flimkien mal-konazzjonal tiegħhu Kwame Thompson. Mellieħa għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa’ mill-ewwel minuti u sa’ nofs l-ewwel sessjoni kienu diġa 17-5 minn fuq b’seba’ punti ta’ Wolfe u sitta ta’ Thompson. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet minn Woody u trippla ta’ Isaac Azzopardi. Kien hemm ħin għall-aktar trippli fosthom ta’ Thompson għal Mellieħa u tnejn minn Jean Paul Schembri għal Luxol però kienu Mellieħa li temmew it-taqsima fuq quddiem 30-21. It-tieni perjodu fetaħ b’żewġ trippli ta’ Xuereb għall-vjola però Mellieħa wieġbu bi break qawwi ta’ 18-2 b’diversi punti ta’ Wolfe u Thompson u trippla ta’ Vukassin Jandric biex sal-mistrieħ fetħu vantaġġ ta’ 21 punt 53-35.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Mellieħa baqgħu b’vantaġġ komdu 64-42. Luxol ppruvaw jirkupraw b’seba’ punti mingħajr risposta bi trippla oħra ta’ Xuereb iżda Mellieħa ma baqgħux lura u għalqu s-sessjoni bi break ta’ 11-2 għal skor ta’ 81-56. Fl-aħħar sessjoni kien hemm diversi three pointers fuq kull naħa fosthom tlieta oħra minn Xuereb. Mellieħa għaqqdu l-mitt punt b’basket tal-captain David Bugeja u lejn it-tmiem Luxol għamlu l-iskor aktar rispettabli speċjalment wara run ta’ 17-3 però kienu Mellieħa li ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 108-96.

Luxol: S. Pace , I. Azzopardi 8, N. Jovanovic 10, A. Azzopardi, JP Schembri 9, N. Xuereb 28, G. Hulsen 13, T. Woody 21, M. Matijevic 5, S. Cappello 2.

Mellieħa Libertas: T. Wolfe 40, D. Bugeja 24, R. Bonnici 5, V. Jandric 16, I. Bonett 2, R. Carabott, K. Thompson 18, C. Mercurio, N. Pace 3.

Referees: Artun Bayraktar, Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi

Athleta………..83

Starlites JSD…89

(28-22)(15-33)(28-13)(14-21)

Fi tmiem ta’ waħda mill-isbaħ partiti tal-istaġun s’issa, Starlites JSD għelbu lil Athleta 89-83 biex kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat. Mill-ġdid kellna basketball mill-isbaħ speċjalment mill-Amerikani fuq iż-żewġ naħat. Il-partita setgħet marret fuq kull naħa fejn l-aħħar minuta bdiet fuq parita ta’ 84-84. Malik Riddle u Dajuan Moorer qasmu bejniethom 60 punt mit-83 finali tal-Athleta li kienu mingħajr Piotr Stelmach. Kienu Athleta li kellhom l-aħjar bidu bi tlett trippli, tnejn ta’ Riddle u oħra minn Juan Cefai. Sas-sitt minuta huma kellhom vantaġġ ta’ seba’ punti, 14-7, iżda hawn bdew ġejjin ukoll it-trippli ta’ Starlites minn Davonte Craven u Matt Attard. Punti minn Moorer, Riddle u Matthew Gouder ħallew lill-Athleta fuq quddiem fi tmiem l-ewwel perjodu 28-22. Fit-tieni sessjoni, Starlites kellhom total ta’ disa’ trippli u l-ewwel tlieta waslu fl-ewwel żewġ minuti u nofs minn Christian Hincson, Attard u Alec Felice Pace f’run ta’ 9-0. Athleta bdew jirrispondu bil-baskets però t-trippli ta’ Starlites komplew ġejjin biex sas-sitt minuta Starlites kienu basket minn fuq 39-37. Hawn Starlites kellhom erba’ trippli oħra fosthom tnejn ta’ Miguel Fabri biex daħlu jistrieħu 55-43 minn fuq.

Wara l-intervall, Athleta bdew bi break ta’ 9-2 bil-punti ta’ Moorer u Riddle biex naqqsu d-distakk għal 4 punti 52-57. Starlites irkupraw u wieġbu bi trippla ta’ Craven u l-punti ta’ Hinckson però Athleta kellhom aktar punti hekk kif għamlu run ta’ 10-0 kollha minn Riddle b’Paul Ferrante kostrett isejjaħ time-out biex iwaqqfilhom ir-run li rathom jippareġjaw il-partita 62-62. Punti ta’ Craven u Felice Pace taw ftit nifs lil Starlites qabel ma Athleta kellhom żewġ trippli oħra minn Riddle u Luca Stefanovic biex temmew is-sessjoni 71-68 minn fuq. Fl-ewwel tlett minuti tal-aħħar perjodu Athleta żammew il-vantaġġ. Hawn il-partita sbieħet hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex b’minuta u 10 sekondi għat-tmiem kien hemm parita 84-84. Kurt James poġġa lil Starlites fuq quddiem fil-waqt li Moorer għamel free-throw minn tnejn. Fl-aħħar ħames sekondi, Attard kellhu free-throw wieħed però mir-rebound, Athleta tilfu l-ballun wara pass ħażin ta’ Gouder bex Starlites għalqu l-partita b’żewġ free-throws fl-aħħar sekonda u ħarġu rebbieħa 89-85.

Athleta: M. Riddle 40, F. Mifsud Bonnici, N. Buhagiar, L. Stefanovic 7, D. Moorer 20, M. Gouder 6, R. Abela, J. Cefai 12.

Starlites FIJO: A. Felice Pace 21, C. Hinkson 9, M. Attard 12, S. Aquilina, I. Felice Pace, M. Fabri 5, K. Fabri, D. Craven 29, L. Farrugia, N. Sultana, K. James 13

Referees: Bernard Vassallo, Artun Bayraktar, Fiorentina Ciurariu