Lokali

“L-Awtoritajiet mhux iħarsu l-interessi tal-istudenti” – KSU

L-awtoritajiet ma jimpurtahomx mill-istudenti – l-istudenti ħaqqhom ambjent aħjar.

Dan huwa l-appell li wassal il-Kunsill Studenti Universitarji meta l-Ħamis organizza dimostrazzjoni paċifika b’rabta mal-kontroversja tal-iżvilupp ta’ lukanda ta’ ħdax-il sular minflok il-binja ta’ dik li fis-snin passati kien magħruf bħala l-Mireva – ħanut tal-kotba biswit l-entratura l-antika tal-Università ta’ Malta.

Jeremy Mifsud Bonnici, il-President tal-KSU, sostna ma’ Net News li huma mhux kontra l-iżvilupp; iżda wieħed għandu jżomm f’moħħu l-ambjent u l-lok fejn ikun qed isir ċertu żvilupp.

Il-President tal-KSU insista li f’pajjiżna sfortunatament l-imġieba ta’ ċertu awtoritajiet qed tindara – fejn totalment jiġu jaqgħu u jqumu minn dak li għandhom xi jgħidu ċ-ċittadini, jew min se jkun qed jintlaqat direttament minn żvilupp jew ieħor.

Mifsud Bonnici saħaq li l-bini ta’ lukanda biswit l-Università ta’ Malta mhux se tkun qed tgħin b’xi mod jew ieħor lill-ħajja tal-istudent u għaldaqstant insista li f’din is-sitwazzjoni, iżda anke f’oħrajn, l-istudent m’għandu qatt jiddejjaq jew jibża’ jwassal leħnu.

Is-Social Policy Officer tal-KSU, Matthias Azzopardi, insista li f’din iż-żona hemm bżonn ta’ żvilupp li jagħmel sens sabiex itejjeb ħajjet l-istudent – fost l-oħrajn, ħwienet tal-kotba u mhux lukandi.

Huwa saħaq li l-awtoritajiet jeħtieġu ifasslu pjan li jżomm lill-istudent fiċ-ċentru u mhux lill-iżviluppaturi u n-negozjanti.

Intant numru ta’ studenti nġabru sabiex xegħlu xemgħa fuq tebut…b’mod simboliku …għad-difna tal-interessi tal-istudenti universitarji.