Issa għaddew aktar minn ġimagħtejn mindu l-MUT kienet sejħet strajk għall-edukaturi kollha. Strajk li kien ifisser li l-edukaturi ma jattendux fl-iskejjel rispettivi tagħhom u wisq inqas jagħmlu xogħol relatat mal-professjoni tagħhom.
Dan kollu kien seħħ għaliex il-Gvern kien wiegħed fil-manifest elettorali, permezz ta’ proposta 251 li kellu “jkun hemm titjib sinifikanti ieħor fil-pagi tal-edukaturi matul il-ħames snin li ġejjin.” Iżda issa… sena u nofs mindu saret din il-wiegħda, l-edukaturi għadhom jistennew dan it-“titjib sinifikanti fil-pagi” tagħhom.
Wara numru ta’ direttivi industrijali u strajk li 97% tal-edukaturi segwew, id-diskussjonijiet u n-negozjati għadhom għaddejjin, kif ikkonferma l-Ministru tal-Edukazzjoni nnifsu, Clifton Grima. Dan ifisser li l-kwistjoni għadha mhix magħluqa.
Mhux talli d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, wara xhur ma jaqtgħu xejn bejn iż-żewġ partijiet, talli lanqas biss għad hemm ħjiel meta se jintlaħaq qbil.
Fl-aħħar xhur rajna laqgħat bejn l-MUT u l-Gvern li ma waslu mkien – b’Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu li jagħti żieda sostanzjali fil-pagi tal-għalliema, skont kif kien wiegħed fil-manifest elettorali qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Il-Prim Ministru stess kien iddikjara bla tlaqliq illi ma kienx lest li jkompli jiddiskuti mal-MUT sakemm l-azzjonijiet industrijali jibqgħu fis-seħħ – għaliex skont hu, dawn kienu “mannara”. Biex imbagħad spiċċa sejjaħ lill-MUT bħala union li tmexxi bil-militantiżmu.
//= $special ?>