L-MCAST organizzat il-ħames edizzjoni tar-Research and Innovation Expo fejn ġew diskussi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li ġew konklużi fil-passat u anke dawk ir-riċerki li għadhom għaddejjin.
Il-Prinċipal tal-MCAST, James Calleja spjega kif illum il-ġurnata m’għadix tista’ ssir id-distinzjoni bejn ix-xogħol tal-id u dak tal-moħħ hekk kif it-tnejn iridu bilfors jimxu pass pass flimkien sabiex ix-xogħol li jsir ikun tal-aqwa kwalità.
Net News tkellem mad-Direttriċi tar-Riċerka, Lorna Bonnici illi spjegatilna aktar dwar ix-xogħol ta’ riċerka li qed isir fl-MCAST. Bonnici qalet illi r-riċerka hi ferm importanti, fejn preżentament hemm mal-20 preżentazzjoni ta’ proġetti fil-livell ta’ Dottorat.
Il-proġetti għandhom mhux biss il-ħsieb li ssir ir-riċerka iżda saħansitra jkunu applikati sabiex iħallu impatt fuq il-ħajja tan-nies. Fil-fatt, ir-riċerka m’għandhix biss tibqa’ fuq il-ktieb iżda jkun hemm żvilupp għall-innovazzjoni.
Matul l-Expo saru diskussjonijiet dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, b’diversi esperti jitkellmu dwar l-opportunitajiet u l-isfidi fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali.
//= $special ?>