Lokali

L-MCCAA bi twissija lill-pubbliku dwar seba’ ġugarelli rtirati minn fuq is-suq

Wara testijiet li saru minn laboratorju akkreditat, l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-MCCAA tixtieq tinforma lill-pubbliku dwar seba’ ġugarelli rtirati minn fuq is-suq lokali. It-tħassib ewlieni dwar is-sigurezza ta’ dawn il-prodotti jinkludi 1) il-preżenza ta’ livelli għoljin ta’ phthalates (familja ta’ kimiċi sintetiċi) li jistgħu jħallu effett fuq is-saħħa tat-tfal, b’mod partikolari fis-sistema riproduttiva u 2) partijiet żgħar li jistgħu joħolqu periklu ta’ fgar għat-tfal.

Il-ġugarelli li nstabu li fihom jew li jiġġeneraw partijiet żgħar, ħlief għal prodott wieħed, kienu kollha mingħajr ditta u kellhom informazzjoni importanti nieqsa bħad-dettalji tal-manifattur u d-dettalji li jippermettu xi mezz ta’ identifikazzjoni tal-prodott bħan-numru tal-mudell jew tal-lott, li mhumiex konformi mad-Direttiva dwar is-Sigurezza tal-Ġugarelli u l-istandards Ewropej applikabbli. Informazzjoni dettaljata dwar dawn is-seba’ ġugarelli tinsab hawn taħt flimkien mar-ritratti relatati.

  1. Pupa tal-plastik “Happy the Elves” (Bin-numru tal-mudell: HXZ1).
  2. “Crystal Mud” Slime Toy b’figurina ġo fih forma ta’ dinożawru (mingħajr numru tal-mudell jew mezz
    ieħor ta’ identifikazzjoni).
  3. Pupa tal-Plastik “Sweet Beauty” Strawberry Shortcake (Bin-numru tal-mudell: 9270).
  4. Pistola tal-Ġugarelli “Mitraglia” (Numru tal-Lott: GTF048 25112021): It-truf tal-projettili tal-pistola tal-ġugarelli għandhom suction cups li jistgħu jinqalgħu faċilment u huma żgħar biżżejjed biex jidħlu f’ħalq it-tfal, u jkunu ta’ periklu sinifikanti ta’ fgar. Apparti minn hekk dawn il-projettili għandhom enerġija kinetika għolja ħafna li tista’ tikkawża ġrieħi mal-impatt, speċjalment fl-għajnejn.
  5. Soft toy ta’ Spiderman (mingħajr ditta u bl-ebda numru tal-mudell jew kwalunkwe mezz ta’
    identifikazzjoni): Il-materjal li bih huwa mimli l-ġugarell huwa aċċessibbli faċilment minħabba ħjatat
    dgħajfa. Il-materjal tal-mili jista’ jitqiegħed f’ħalq it-tifel u joħloq periklu ta’ fgar.
  6. Soft toy ta’ Stitch (mingħajr ditta u bl-ebda numru tal-mudell jew kwalunkwe mezz ta’
    identifikazzjoni): Ma’ fuq nett tas-soft toy hemm suction cup li tista’ tinqala’ faċilment u titqiegħed f’ħalq it-tfal b’riskju ta’ fgar.
  7. Soft toy ta’ Pikachu (mingħajr ditta u bl-ebda numru tal-mudell jew kwalunkwe mezz ta’
    identifikazzjoni): Ma’ fuq nett tas-soft toy hemm suction cup li tista’ tinqala’ faċilment u titqiegħed f’ħalq it-tfal b’riskju ta’ fgar.

Dawk il-konsumaturi li għandhom xi wieħed mill-prodotti msemmija hawn fuq għandhom jieqfu jużawhom immedjatament jew jiddisponu minnhom b’mod xieraq.

L-MCCAA tfakkar lill-konsumaturi li diġà xtraw jew li waslu biex jixtru ġugarell bħala rigal tal-Milied, biex jiċċekkjaw regolarment il-pjattaforma online Safety Gate (https://ec.europa.eu/safety-gate-alerts/) biex jiżguraw li l-prodott ma jkunx elenkat bħala prodott perikoluż. Il-konsumaturi jistgħu jagħmlu kuntatt mad-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt jekk jeħtieġu aktar informazzjoni jew jekk jiltaqgħu ma’ xi wieħed mill-prodotti msemmija hawn fuq.