Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola sejħet biex l-Ewropa turi sens akbar ta’ tmexxija dwar it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, appoġġ lill-Ukrajna u dwar l-immigrazzjoni u l-ażil.
Waqt li kienet qed tindirizza l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru fi Brussell, il-President Metsola stqarret li l Unjoni Ewropea tinsab fuq l-għatba ta’ mument storiku ieħor. Qalet li hu f’idejn il-mexxejja Ewropej li jiddeċiedu jekk jaħtfux din l-opportunità storika jew jekk titniżżilx fl-istorja bħala falliment.
Il-President Metsola qalet wasal iż-żmien li l-mexxejja Ewropej iwettqu l-wegħda tagħhom biex juru għaqda u solidarjetà, kuraġġ u deċiżjoni. Hija rrimarkat li l-pass li jmiss għall-Unjoni Ewropea hu li jinfetħu n-negozjati għad-dħul tal-Ukrajna u l-Moldova fil-blokk Ewropew.
B’referenza għall-appoġġ tal-UE lill-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew qalet li jeħtieġ li l-Ewropa tibqa’ soda fl-appoġġ politiku, umanitarju u finanzjarju lill-Ukrajna, anke meta din issir aktar diffiċli. Żiedet li l-istess għandu jsir mal-Moldova, il-Georgia u l-Bosnia Herżegovina.
Il-President Metsola rreferiet ukoll għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Qalet li l-mexxejja Ewropej jinsabu l-eqreb li qatt kienu fl-aħħar għaxar snin biex jilħqu ftehim politiku. Żiedet li ma jistgħu imorru għall-elezzjonijiet Ewropej mingħajr ftehim fuq l-immigrazzjoni, iżda esprimiet tama li dan jista’ jintlaħaq, u ftehim sal-aħħar tas-sena jkun ifisser rebħa għall-politika taċ-ċentru. Hija qalet li din turi li l-Ewropa għandha s-soluzzjonijiet għat-tħassib taċ-ċittadini.
Il-President Metsola temmet li l-Ewropa wriet li tista’ tmexxi, li jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa u llum għandha taħtaf dan il-mument.
//= $special ?>