Żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Gzira ġie mixli quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fuq każ ta’ allegat traffikar ta’ droga. Meta mistoqsi x’jagħmel bħala xogħol – John Junior Pace qal li huwa jahdem bħala electrician u plumber.
Mistoqsija għaliex sar l-arrest ta’ Pace u li spiċċa biex dan jitressaq il-Qorti, l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Cremona, Elisia Scicluna u Katheline Zerafa qalu li l-pulizija rceviet informazzjoni b’mod anonimu u saret ukoll osservazzjoni fuq remissa fil-Marsa, li fiha allegatament kienet qiegħda tkun ittraffikata d-droga.
Saħqu wkoll li l-puliziija nnutat lill-akkużat flimkien mal-persuna l-oħra jieħdu xi materjal suspettuż minn taħt tapit u kaxxa tal-meter fuq ġewwa tal-istalla. Komplew jgħidu li nhar it-Tlieta, l-Pulizija, daħħlu b’mandat ghat-tfittxija ġewwa r-remissa u arrestaw lill-akkużat u żewġ persuni oħra. Minn tfittxijiet li saru ġewwa r-remissa u fl-inħawi, l-Pulizija elevat numru ta’ qratas b’sustanza suspettata droga kokaina u cannabis.
Il-Prosekuzzjoni qalet li sabet ukoll mwieżen diġitali u 2,000 ewro fi flus kontanti flimkien ma’ diversi oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga. Pace wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiza preseduta mill-Avukat Nicholas Mifsud talbet għall-pleġġ u argumentat li fil-pussess tal-akkużat ma nstabet l-ebda droga filwaqt li kkopera mal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba li l-akkużat jogħqod fl-istess indirizz tal-persuna l-oħra li għadu taħt investigazzjoni filwaqt li qalet li m’hemmx serħan tal-moħħ għax teżisti l-biża li jikkontamina l-provi u mhux affidabbli li jista’ jżomm mal-kundizzjonjiet tal-pleġġ.
L-avukat Mifsud qal li l-imputat qed jistenna tarbija mas-sieħba tieghu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, filwaqt li ghandu xogħol fiss. Il-Qorti cahdet it-talba ghal liberta provizorja bl-akkużat jintbagħat il-ħabs.