Lokali

“Pajjiżna għandu bżonn bidla u din tista’ sseħħ bl-involviment ta’ kull Malti u Għawdxi”

“Pajjiżna għandu bżonnok u jrid li jkun hawn bidla. U dan jista’ jsir biss permezz tal-involviment ta’ kull Malti u Għawdxi flimkien mal-ħidma ma taqta’ xejn mill-Partit Nazzjonalista.”

Kien dan il-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino waqt li l-Ħamis indirizza lil dawk li attendew għal attività soċjali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Michael Piccinino appella biex fix-xhur li ġejjin kulħadd jagħmel il-parti tiegħu ħalli verament naraw id-differenza tant meħtieġa.

Issemma’ wkoll kif minkejja li ħafna kellhom tama ta’ bidla fid-direzzjoni, il-Budget għall-2024 kien meqjus bħala wieħed bla soluzzjonijiet, bla direzzjoni u mingħajr viżjoni fit-tul. Budget li mhux se jkun qed jindirizza l-problema tal-iskart, il-mudell ekonomiku, u wisq inqas il-piż tal-għoli tal-ħajja.

B’kuntrast, il-PN qed jippreżenta proposti ċari – specjalment fejn tidħol l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Dan apparti li qed jippreżenta viżjoni ekonomika ta’ eċċellenza.