Lokali Unjoni Ewropea

Gidba oħra mill-media Laburista biex tiġġustifika li l-Gvern ried jispija fuq il-ġurnalisti

L-UE taqbel illi titneħħa l-proposta li kien qed jappoġġja l-Gvern ta' Robert Abela, flimkien ma' Franza u pajjiżi oħrajn

Fil-ġurnata li fiha l-istituzzjonijjet Ewropej laħqu ftehim biex isaħħu l-protezzjoni u l-indipendenza tal-ġurnalisti, il-media laburista pruvat tagħti l-impressjoni li l-pożizzjoni tal-President tal-Parlament Roberta Metsola hi bhal dik ta’ Robert Abela.

Il-verità hi li Robert Abela qed jipprova jiġġustifika li jkun hemm xi tip ta’ sorveljar u għassa fuq il-ġurnalisti. Dan hu l-oppost tal-pożizzjoni tal-President Metsola u tal-Parlament Ewropew.

Filfatt Metsola tisħaq li l-pożizzjoni tal-Parlament hi li l-ġurnalisti għandhom jingħataw is-salvagwardji kollha meħtieġa biex ikun żgurat li jkollhom awtonomija u indipendenza editorjali mill-Gvernijiet u minn interessi politiċi. Dan biex il-ġurnalisti jitħallew jaħdmu b’mod imparzjali u indipendenti.

L-għan tal-Parlament Ewropew mhuwiex li t-tagħmir ta’ spjunaġġ u s-sorveljanza jiġu leġitimizzati. Anzi jisħaq li għandhom ikunu żgurati li jkun hemm inizjattivi li jħarsu d-drittijiet tal-ġurnalisti. Filfatt, waqt in-negozjati, din il-klawsola biex is-sorveljanza fuq il-ġurnalisti tkun permessa li kien qed jappoġġja Abela tneħħiet wara pressjoni mill-Parlament.

Il-President Metsola qalet li s-sorveljanza ma tistax tkun projbita għal kollox b’referenza għall-investigazzjonijiet kriminali u għal raġunijiet ta’ sigurtà, u mhux għall-ġurnalisti kif pruvaw jagħtu l-impressjoni l-media laburista.

Il-President saħqet li s-sorveljanza għandha kemm tkun kemm jista’ jkun limitata u għandha tintuża biss għal għan leġittimu f’kas ta’ kriminalita’ u sigurta.

Madanakollu, il-ġurnalisti qatt ma ssemmew f’dan il-kuntest.

Dan ikompli joħrog fid-deher il-paniku li qed jaħkem lill-Partit Laburista li sar jivvinta l-istejjer wara li jkun ha decizjonijiet li jkunu ġew ikkritikati bil-qawwi u imbaghad jivvinta li hemm min qed jaqbel miegħu.

Minbarra dak li ġie vvintat dwar Metsola, llbieraħ filgħaxija, waqt li l-Kunsill Ewropew laħaq ftehim storiku biex jibdew in-negozjati għad-dħul tal-Ukrajna u l-Moldova fl-UE, l-media laburista qalet li kien hemm nuqqas ta’ qbil fost il-mexxejja Ewropej.

*Dan l-iscreenshot juri l-istorja qarrieqa li ċċirkolat il-media Laburista