L-2023 kienet sena ta’ żidiet fil-prezzijiet; sena li matulha, minn ġimgħa għal ġimgħa, il-prodotti fuq l-ixkaffef tal-ħwienet tal-merċa żdiedu fil-prezz tagħhom. Bl-aħħar żieda tkun fil-prezz tal-ħalib, illi f’sena għola aktar minn 20 ċenteżmu.
Fl-aħħar xhur, dan l-istazzjon irrapporta diversi drabi kif il-ħajja kompliet togħla u l-inflazzjoni baqgħet tagħfas fuq dahar iċ-ċittadin. Dan hekk kif bosta spiċċaw jaħdmu minn xogħol għal xogħol b’uħud jistqarru li saħansitra mhux qed ilaħqu sal-aħħar tax-xahar, u oħrajn jgħidu illi minkejja li għandhom paga meqjusa bħala waħda deċenti xorta waħda bil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali, il-kirjiet, il-loans u spejjeż oħrajn … mhux qed ilaħqu mal-ħajja.
U quddiem din ir-realtà – il-Gvern jibqa’ ma joffri ebda soluzzjoni konkreta.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Daniel Attard – x’se jkun qiegħed jagħmel il-Gvern sabiex itaffi miż-żieda qawwija fil-prezzijiet. B’Attard jgħid lill-familji li l-Gvern diġà qiegħed jagħmel ħafna.
Il-fatti juru biċ-ċar li l-mekkaniżmu tal-COLA qatt ma kien daqshekk għoli, propju minħabba iż-żieda qawwija tal-inflazzjoni – bil-prezzijiet dejjem jiżdiedu mingħajr ebda sinjal ta’ waqfien.
Għaldaqstant hekk kif fadal ftit aktar minn ġimgħatejn biss minn bidu ta’ sena ġdida – jidher li l-Gvern qed jibqa’ ma joffri ebda wens lill-familji, lill-ħaddiema u l-anzjani quddiem il-piż kbir tal-għoli tal-ħajja.