Il-kelliema għall-Armata ta’ Iżrael qalu li rkupraw il-katavri ta’ żewġ suldati Iżraeljani li kienu nħatfu bħala ostaġġi waqt l-attakki tas-7 ta’ Ottubru mill-grupp Ħamas fuq Iżrael.
Is-sejba makabra kienet ikkonfermata ftit wara li l-Iżraeljani sabu l-katavru ta’ mara ta’ 28 sena li wkoll spiċċat ostaġġ tal-Ħamas matul l-attakki storiċi. Din il-vittma kienet fost il-mijiet taż-żgħażagħ aggrediti mit-terroristi tal-Ħamas meta, dakinar, kienu preżenta għal festival ta’ mużika f’zona ta’ Iżrael dominata mid-deżert.
Is-sorsi qrib il-Gvern Iżraeljan qalu li l-Ħamas qed jikser kull regola tal-gwerra minbarra li qed jirrikorri għall-qtil tal-ostaġġi bħala forma ta’ intimidazzjoni.
L-istess sorsi qalu li dan l-aġir brutali mhux se jwaqqaf lil Iżrael milli jippersisti bl-offensiva fuq il-moħbiet tal-Ħamas fl-artijiet ta’ Gaza. Dan ukoll meta l-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar sigħat komplew bil-bumbardamenti bla heda fuq diversi bliet okkupati mill-Ħamas. Sadanittant, il-vittmi tal-bumbardamenti qed jiżdiedu, fost ir-rapporti li f’Gaza qed imutu dejjem aktar tfal Palestinjani.
Il-Gvern Iżraeljan, fl-istess ħin, qed jindika li mgħandux l-intenzjoni li jokkupa l-Medda ta’ Gaza mill-ġdid ladarba tintemm il-gwerra mal-Ħamas. Iżda l-Ġenerali tal-Armata qalu li t-truppi tagħhom għadhom determinati li jeħilsu lill-ostaġġi li ilhom il-ġimgħat miżmuma f’Gaza — u li Iżrael ma jaffordjax li jwaqqaf il-kampanja militari għaliex b’hekk ikun qed jagħti opportunità lill-Ħamas biex jorganizza ruħu mill-ġdid.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-militar Iżraeljan irnexxielu jeqred bażi sħiża tal-Battaljun ‘Shejaya’ tal-Ħamas fit-Tramuntana ta’ Gaza. Madankollu, ir-reżistenza tal-Ħamas għadha ‘feroċi u intensiva’ u ftit hemm possibbiltà li l-gwerra tista’ tintemm sal-aħħar tas-sena.
//= $special ?>