Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti appuntat is-smigħ tal-kawża dwar is-serqa tal-isptarijiet biex tibda tinstema’ eżatt wara l-festi – fit-8 ta’ Jannar.
Il-ftehim dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward ġie kkundannat mill-Qorti għal darba darbtejn, l-ewwel mill-Imħallef Francesco Depasquele u wara mill-Qorti tal-Appell fejn is-sentenza fissret ċar u tond li mhux biss il-poplu nsteraq iżda li l-Gvern kien kompliċi f’din is-serqa.
Bil-Gvern jibqa’ ċass il-Partit Nazzjonalista din il-ġimgħa fetaħ kawża oħra fil-Qrati Maltin sabiex l-Avukat tal-Istat Chris Soler ikollu l-awtonomija neċessarja ħalli jkun jista’ jwettaq ix-xogħol li huwa obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu. Dan għaliex meta Soler kien mistoqsi għalfejn għadu ma bediex jieħu l-passi neċessarji dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward, huwa stqarr li hu jisma’ biss mill-ordni ta’ Prim Ministru.
Dan kollu kien ikkonfermat meta fir-risposta tiegħu l-Avukat tal-Istat aġixxa politikament bl-atteġġament tiegħu fil-konfront tal-PN. Il-Prim Ministru Robert Abela għadu sal-ġurnata tal-lum ma fetaħx kawża kontra Vitals u Steward sabiex iroddu lura lill-poplu Malti l-miljuni ta’ ewro li nsterqu fid-deal tat-tliet sptarijiet.
Fiflatt fl-aħħar 10 xhur minn meta żewġ sentenzi tal-Qorti ddikkjaraw li d-deals ma’ Vitals u Steward kienu frawdolenti – il-Gvern għadu ma għamel xejn biex iġib lura flus il-poplu. Bl-arbitraġġ li hemm għaddej bħalissa infetaħ minn Steward, u mhux mill-Gvern.
Filwaqt li l-Qorti tal-Appell sabet li l-Gvern Laburista nnifsu kien f’kollużjoni u f’konfoffa mal-kumpaniji barranin, il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qed jistennew il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li nsterqulhom. Flus li jistgħu jintużaw għall-ġid tan-nazzjon.