Tfajjel adolexxenti li kien ilu nieqes għal sitt snin mistenni jingħaqad dalwaqt ma’ nanntu, ta’ nisel Malti, u meta bħalissa għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar jekk hu, f’dan iż-żmien kollu, kienx kostrett li jgħix bħala l-priġunier ta’ komunità — jew kolt — spiritwali.
Alex Batty, imrobbi fi Greater Manchester, fl-Ingilterra, kien għad għandu biss 11-il sena meta, fl-2017, sparixxa waqt li kien ma’ familtu waqt btala fi Spanja.
Sadanittant, l-awtoritajiet qed jippruvaw isiru jafu dwar dak kollu li għadda minnu Alex Batty tul dawn is-snin kollha. Dan ukoll meta nanntu – Susan Caruana – qed tipprova tgħin lill-awtoritjiet biex jibnu ‘profil’ iddettaljat dwar il-każ.
Fl-istess ħin, uffiċjali fi Franza qalu li Alex Batty għandu jirritorna lura l-Ingilterra proprju għada s-Sibt — bil-prosekuturi Franċiżi jiżvelaw li Alex Batty u ommu kienu qed jirrilokaw kontinwament minn post għall-ieħor.
U waqt li l-investigazzjonijiet qed ikomplu, ir-rapporti qalu li Alex Batty iddeċieda li jaħrab lill-ommu meta huma kienu f’zona qalb il-Muntanji tal-Pyrenees ( fi Franza) u wara li ommu kienet qaltlu biex jipprepara ‘għal ħajja ġdida fil-Finlandja.’
Sadanittant, il-misteru kompla jikber wara li l-prosekuturi fi Franza ma riedux jiżvelaw aktar dettalji ‘fl-aħjar interessi tas-sigurtà ta’ Alex Batty’.
Wara l-għajbien ta’ Alex fl-2017, Susan Caruana – li kienet ingħatat ir-responsabbiltà għat-trobbija tat-tifel – ħasbet li Melanie, l-omm tat-tifel, u Alex setgħu deċidew li jibdew ‘ħajja alternattiva’ f’pajjiż ieħor.
Dan wara li Melanie, li hi t-tifla ta’ Susan Caruana, u l-eks-raġel tagħha, fl-2014, kienu qed jgħixu, flimkien ma’ Alex, bħala membri ta’ komunità fil-Marokk.
In-nanna ta’ Alex żvelat ukoll li bintha u l-eks-sieħeb ma riedux li t-tifel jattendi l-iskola peress li huma kienu kontra s-sistemi edukattivi talllum. Intant, Susan Caruana qatt ma qatgħet qalbha li Alex ‘xi darba kien se jinsab ħaj’ wara daqstant snin ta’ tortura pskoloġika u nuqqas ta’ kuntatt ma’ bintha.
//= $special ?>