Is-sena li għaddiet, il-gradwati f’livell terzjarju kienu jammontaw għal 5,472… tnaqqis taʼ 2.2 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li uriet li aktar minn nofs il-gradwati terzjarji kisbu kwalifika fil-livell ISCED 6 (Baċellerat jew ekwivalenti) li jammontaw għal 58.5 fil-mija. Warajhom, 33.1 fil-mija kisbu kwalifika fil-livell ISCED 7 (Masters jew ekwivalenti).
Ħareġ ukoll li aktar minn nofs il-gradwati terzjarji kienu nisa – 55.6 fil-mija. In-nisa qabżu l-irġiel f’kull livell tal-edukazzjoni terzjarja ħlief fil-livell ISCED 8 (ekwivalenti għal PhD). Il-maġġoranza tal-gradwati terzjarji kellhom bejn l-20 u d-29 sena li ammontaw għal 72.0 fil-mija).
Fl-2022, 74.4 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika minn programm fuq bażi full-time. Il-gradwati barranin laħqu l-1,359, li jiġu daqs 24.8 fil-mija tal-gradwati kollha fil-livell terzjarju, u b’hekk żdiedu b’10.6 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel. Iċ-ċittadini tal-UE kienu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tal-gradwati terzjarji barranin kollha li ammontaw għal 57.8 fil-mija.
Fl-2022 il-qasam ta’ studju tan-‘Negozju, amministrazzjoni u liġi’ kien l-aktar wieħed popolari fost il-gradwati terzjarji fl-2022, fejn gradwati f’dan il-qasam kienu jkopru aktar minn terz tal-gradwati kollha – 34.6 fil-mija. Warajhom kien hemm il-gradwati fis-‘Saħħa u l-benesseri’ bi 19.6 fil-mija. L-‘Agrikoltura, forestrija, sajd u veterinija’ kien il-qasam ta’ studju bl-inqas għadd ta’ gradwati terzjarji, li ammontaw għal 0.3 fil-mija.
15.4 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, u l-matematika (STEM). Minn dawn, 597 kienu rġiel filwaqt li 247 kienu nisa. Il-gradwati nisa f’dan il-qasam żdiedu bi 2.9 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li l-gradwati rġiel naqsu b’1.8 fil-mija.
//= $special ?>