Sport Sport Ieħor

Kariga importanti għal Julian Pace Bonello fi ħdan il-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran

Julian Pace Bonello inħatar bħala President tal-Kummissjoni ta’ Koordinazzjoni tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran għall-edizzjoni tal-2030 fi Pristina.

Dan tħabbar uffiċjalment mill-Kumitat Olimpiku Malti. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tissorvelja t-tħejjijiet kollha b’rabta mal-Logħob tal-Mediterran tal-2030. Din il-ħatra, aċċettata unanimament mill-Bord Eżekuttiv tal-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob tal-Mediterran, tirrifletti l-kompetenza ta’ Julian Pace Bonello fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-isport.

Ir-rwol tiegħu se jinvolvi l-koordinazzjoni strateġika u s-superviżjoni metikoluża ta’ diversi aspetti tat-tħejjijiet tal-Logħob biex jiġi żgurat avveniment bla xkiel u ta’ suċċess.

Il-Logħob tal-Mediterran tal-2030, magħruf uffiċjalment bħala Pristina 2030, huwa avveniment internazzjonali multisport li mistenni jsir mit-22 ta’ Lulju sat-8 ta’ Awwissu 2030 fi Pristina, il-Kosovo.