Lokali

Kollox xejn mhu xejn għall-Gvern Laburista anke għad-detriment tal-Wirt Storiku ta’ pajjiżna – PN

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-konfużjoni fil-Kabinett ta’ Robert Abela f’materji tant sensittivi, bħal fil-protezzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.

Id-Deputati Nazzjonalisti Julia Zahra u Stanley Zammit saħqu li l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet fjask meta approvat permess anke jekk kienet taf li l-iżvilupp biswit il-Ġgantija se jsir fiz-zona ta’ protezzjoni ta’ din l-istruttura eqdem mill-piramidi u li qabel tiddeċiedi kellha d-dmir li tanalizza rapport dwar ir-riskji ta’ impatt mill-iżvilupp fuq dan il-wirt dinji.

Huma insistew li Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rreaġixxew biss wara r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u tad-diversi għaqdiet ambjentali li semmgħu leħinhom fil-konfront tal-iżvilupp skandaluż fiz-zona tat-Tempji Megalitċi tal-Ġgantija f’Għawdex, li huma protetti mill-UNESCO bħala patrimonju ta’ wirt dinji.

“Waqt li l-permess intefa’ f’limbu mhux maħsub fil-Liġi, Robert Abela u, sa ċertu punt is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, huma konvinti u kuntenti li l-iżvilupp se jsir qabel ma biss għadu tlesta il-Heritage Impact Assessment u jidher li diġa jafu x’se jkun l-eżitu ta’ dan ir-rapport. Dan kollu qed jikkomprometti d-deċiżjonijiet li għad iridu jittieħdu.”

Finalment huma saħqu li għax qed ifittex l-interess tal-ġid komuni, f’dan il-każ permezz tal-protezzjoni u ssalvagwardja tal-wirt nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem biex dan iseħħ b’mod sħiħ u hu konvint li pajjiżna għandu bżonn tmexxija ħafna aktar serja u integra biex verament iġib l-interess ta’ Malta u Għawdex qabel kull interess ieħor.