Lokali Qorti

Koppja mhux ħatja li ferew raġel b’mod gravi waqt ġlieda

Koppja ġew lliberati minn akkużi ta’ feriment gravi fil-konfront ta’ raġel Taljan fi ġlieda li seħħet f’Marzu tas-sena l-oħra fiż-Żebbuġ, Għawdex. Il-Qorti ta’ Għawdex illiberat lir-raġel ta’ 33 sena li huwa mill-Belt, Valletta u mara ta’ 31 sena, mill-Fontana, Għawdex.

Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Simone Grech qalet minn dak li semgħet il-prosekuzzjoni ma rnexxieliex tipprova l-każ tagħha fil-konfront ta’ Brandon Bartolo u Lorraine Spiteri Singh. Huma ġew illiberati minn każ li seħħ fis-7 ta’ Marzu, 2022 għall-ħabta tas-6.15pm. waqt li kienu fi Triq il-Forn, fiż-Żebbuġ, fejn kienu akkużati li mingħajr il-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħdu l-ħajja ta’ ħaddiehor f’periklu ċar, ikkaġunaw ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa, u ċioe` offiża ta’ natura gravi fuq raġel.

Huma lanqas ma nstabu ħatja li fl-istess lok, ħin, data u ċirkostanzi kisru volontarjament il-bon ordni jew il-kwiet tal-pubbliku. Il-Qorti qieset illi f’din il-proċedura, il-Prosekuzzjoni apparti għal dokumenti li ppreżentaw, l-allegat vittma għażel li ma jixhidx f’dawn il-proċeduri peress li għaddejin ukoll proceduri fil-konfront tiegħu dwar dan l-istess inċident.

Il-Qorti qalet li minkejja li għandha quddiemha l-istqarrijiet rilaxxati mill-allegata vittma u kif ukoll mill-imputati, hi ma tqisx li quddiemha tressqu provi biżżejjed lil hinn minn kull dubju raġjonevoli sabiex issib ħtija fl-imputrati. Għaldaqstant, qed tilliberahom minn kull kundanna u ħtija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charles Spiteri.