L-Ungerija – pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea b’rabtiet mill-qrib mar-Russja – ostakolat l-impenn tal-UE biex tagħti ħamsin biljun ewro f’għajnuna lill-Ukrajna. Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, ikkonferma l-pożizzjoni ta’ pajjiżu wara t-taħditiet tal-Ħamis bejn l-Istati tal-Unjoni u sigħat biss wara li dawn l-Istati laħqu ftehim biex jibdew it-taħditiet għall-isħubija tal-Ukrajna fl-istess Unjoni.
Il-Mexxejja tal-UE qablu wkoll li jiftħu taħditiet ta’ sħubija mal-Moldova u biex jikkonferaw il-kandidatura għall-isħubija ta’ Ġorġja…Pajjiż li, l-istess bħall-Moldova u l-Ukrajna, huwa eks-Stat Sovjetiku.
Il-veto mill-Ungerija għall-fondi addizzjonali lill-Ukrajna ntlaqa’ b’diżappunt kbir minn diversi Stati tal-Unjoni, bil-Mexxejja Ewropej isostnu li n-negozjati għall-għajnuna lill-Ukreni għandhom ikomplu kmieni s-sena d-dieħla.
L-Ukrajna tiddependi bil-kbir fuq il-finanzjament mingħand l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex tkompli tirreżisti l-okkupazzjoni mill-qawwiet tar-Russja li invadewlha artha fi Frar tal-2022.
Sadanittant, Orban qal li ma setax jikkonvinċi lill-Istati tal-Unjoni li l-proċess għall-isħubija tal-Ukrajna għandu jieħu fit-tul ħafna. Hu sostna wkoll li l-Parlament f’Budapest jista’ xorta , jekk irid, jostakola din l-isħubija.
Madankollu, diversi mexxejja tal-UE xorta huma konvinti li, ‘il quddiem, l-Istati membri kollha għandhom jaqblu dwar l-għajnuna lill-Ukrajna ekwivalenti għal ħamsin biljun ewro.Dan ukoll meta l-Ukrajna, għalissa, fadlilha fondi biżżejjed biex tibqa’ tiffunzjona bħala Stat filwaqt li tirreżisti l-avvanzi tal-qawwiet Russi f’artha.
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, qal li l-kwistjoni dwar il-fondi addizzjonali lill-Ukrajna għandha tkun indirizzata ‘bis-sħiħ’ waqt l-ewwel ġimgħat tal-2024. F’din is-sitwazzjoni, l-impenn se jkun għal sitwazzjoni ta’ unanimità fost l-Istati tal-Unjoni.
Fil-preżent, l-Ukrajna anki qed tipprova tikseb l-approvazzjoni għal pakkett ta’ għajnuna mingħand l-Istati Uniti biex isostni d-difiżi tagħha. Madankollu, id-deċiżjoni dwar il-pakkett – ekwivalenti għal 61 biljun dollaru – għadha ma tteħditx minħabba diżgwid profond bejn id-deputati tal-Partit Demokratiku li qed imexxi lill-Istati Uniti u d-deputati tal-Partit Repubblikan f’Washington.
//= $special ?>