Id-Deputat Laburista nħatar Chairperson ta’ Sport Malta ħmistax ilu
Iċ-Chairperson il-ġdid ta’ Sport Malta, maħtur ġimgħatejn ilu, jidher li m’għandux ħjiel meta se jkunu qed jitlestew il-proġetti sportivi li issa suppost ilhom xhur u snin miftuħin u jintużaw mill-atleti Maltin u Għawdxin.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lid-Deputat Laburista u Chairperson ta’ Sport Malta, Omar Farrugia, f’hiex waslet wegħda numru 537 tal-Manifest Elettorali Laburista – ċioè il-wegħda ta’ Ċentru Nazzjonali għax-Xjenza tal-Isport. Bl-unika tweġiba konkreta ta’ Farrugia tkun li mill-2022 għaddew biss ftit inqas minn sentejn.
Iċ-Ċentru Nazzjonali għax-Xjenza tal-Isport kienet proposta elettorali tal-Partit Nazzjonalista illi ħadha il-Labour; proposta bżonnjuża ferm għall-atleti Maltin u Għawdxin sabiex iħejju ruħhom għal parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet lokali u lil’hinn minn xtutna…madanakollu jidher li għalissa għadu kmieni biex inkunu nafu x’inhu jagħmel il-Gvern dwar dan.
Fl-istess waqt, hemm numru ta’ kumplessi li kienu mwiegħda mill-Gvern u li saħansitra kellhom jitlestew qabel l-organizzazzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, li saru f’Malta bejn Mejju u Ġunju li għadda.
Fl-2021 kien ippjanat li ċ-Ċentru Sportiv u Akwatiku fir-Rabat Għawdex jiftaħ il-bibien tiegħu, b’investiment ta’ €16-il miljun – madanakollu d-deadline kien mexa għal April ta’ din is-sena….liema data l-Gvern jidher li mar żmerċ sew fiha, għax s’issa għadu ma nfetaħx.
L-istess xorti kien imiss għal kumpless tat-tennis f’Pembroke – invstiment li f’April tal-2021 qalu li se jiswa’ ftit aktar rminn miljun ewro…b’sena wara l-ispejjeż jiżdiedu għal ftit aktar minn €3 miljun.
Oriġinarjament immirat li jintuża għal Logħob tal-pajjiżi ż-żgħar…dan il-kumpless għadu mhux lest ukoll.
B’rabta ma’ dan kollu Net News staqsa lil Omar Farrugia, frisk mill-ħatra tiegħu bħala Chairperson ta’ Sport Malta jekk għandux idea meta se jitlestew dawn il-kumplessi….madanakollu mhux talli ma provdiex id-dati meta dawn se jkunu finalizzati, imma lanqas offra t-timeframes.