Lokali Temp

Reġistrati temperaturi rekord għax-xahar ta’ Novembru

Hekk kif fl-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ Novembru t-temperatura laħqet id-29.1°C, intlaħaq rekord ġdid għall-ogħla temperatura qatt imkejla matul dan ix-xahar. Temperaturi aktar kiesħa kienu mkejla lejn l-aħħar tax-xahar, bl-aktar temperatura baxxa tinżel sa 11.7°C fis-sitta u għoxrin jum. Madanakollu, it-temperaturi sħan li kkaratterizzaw l-ewwel nofs tax-xahar wasslu biex it-temperatura medja għal Novembru li għadda kienet ta’ 19.9°C, jiġifieri 5.4°C ogħla min-norma klimatika.

L-ewwel nofs ta’ Novembru kien ukoll ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ xita, bil-gżejjer Maltin jirċievu biss 0.6 mm xita matul dan il-perjodu. It-tieni nofs tax-xahar għamel tajjeb għal din in-nifxa, hekk kif matulu tkejlu 53.0 mm xita, b’nofsha tinżel f’ġurnata waħda.

Hekk kif fit-22 ta’ Novembru, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija safra dwar xita moderata għal qawwija, għall-ewwel daba minn Mejju l-gżejjer Maltin esperjenzaw l-ewwel xita mifruxa. F’din il-ġurnata biss, kienu mkejla 26.4 mm xita.

Anke jekk l-aħħar jiem ta’ Novembru kienu kkaratterizzati minn temp iżjed instabbli u mxarrab, ix-xahar kien ħafna aktar xott min-norma klimatika ta’ 84.8 mm xita. Matul l-istess xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku rreġistra tliet ġranet li fihom il-gżejjer Maltin intlaqtu minn maltempati bis-sajjetti u ġurnata waħda li fiha niżel is-silġ.

Novembru kien ukoll aktar xemxi mis-soltu tant li matul ix-xahar tkejlu 36 siegħa xemxija aktar min-norma klimatika, filwaqt li l-koperturta tas-sħab kienet inqas min-norma u kejlet 3.2 oktas. Għall-kuntrarju ta’ ġranet li esperjenzaw medja ta’ 6.7 sigħat xemxin, it-22 ta’ Novembru kien l-aktar jum imdallam, hekk kif ra inqas minn siegħa waħda xemija (0.6).

Fil-25 ta’ Novembru, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija oranġjo minħabba r-riħ qawwi li, f’xi ħinijiet, laħaq il-qawwa ta’ riefnu. Fl-istess jum, tkeljet l-aktar buffura b’saħħitha tax-xahar li laħqet it-53 knots u nefħet mill-Majjistral Kwarta Punent.