Lokali Qorti

Sentenza sospiża flok ħabs effettiv wara li weġġa’ ħafif Pulizija li mar iferraq ġlieda

Il-Qorti tal-Appell Kriminali bidlet sentenza ta’ ħabs għal waħda sospiża fil-konfront ta’ Reuben Boyce ta’ 51 sena miż-Żurrieq li ġie kkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn, u dan minflok sitt xhur ħabs effettivi. Dan fuq każ kien seħħ fil-25 t’Awwissu tal-2018 għall-ħabta tat-3am fi Triq San Pawl, f’Ħal Safi wara li Boyce kien agredixxa Pulizija.

Boyce kien instab ħati sentejn wara tal-inċident li hedded, ħebb u weġġa’ ħafif lil Kuntistabbli, u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija. Mill-provi rriżulta li Boyce ta daqqa ta’ ponn fuq wiċċ il-Kuntistabbli meta l-Pulizija marru fuq il-post biex iferrqu lin-nies fi ġlieda.

L-argument żviluppa meta l-Kumitat tal-Każin ta’ San Pawl tal-lokalità m’obdiex l-ordni tal-Pulizija biex iwaqqaf il-mużika. Mix-xhieda ħareġ li bid-daqqa ta’ ponn, Boyce waqqa’ n-nuċċali u l-kappell tal-Kuntistabbli.

Irriżulta wkoll li r-raġel instema’ jgħid ukoll li ħadd ma kien se jmiss lin-nies tar-raħal u beda jigdem idejh u jsir aggressiv. Apparti l-piena ta’ ħabs, l-ewwel Qorti kienet ikkundannat lil Boyce multa ta’ €4,000. Fl-appell Boyce lmenta, fost l-oħrajn, li l-prosekuzzjoni ma ressqitx xhieda pajżana biex jixhdu iżda lil uffiċjali tal-Pulizija biss.

Huwa argumenta wkoll li ma kinitx l-intenzjoni tiegħu li jweġġa’ lill-Kuntistabbli. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, irrimarkat li ħadd m’għandu dritt iħebb jew jagħti bil-ponn lill-Pulizija li tkun qed taqdi dmirha.

Il-Qorti qieset diversi punti fuq it-tnaqqis tal-piena fejn ħadet in konsiderazzjoni s-Social Inquiry Report
fejn, fost l-oħrajn, hemm imniżżel li: “Mir-rapport ma ġewx identifikati problemi ta’ saħħa mentali. Lanqas ma ġew identifikati problemi relatati ma’ vizzji.

B’konsistenza ma’ dan, minn verifika li saret mal-Aġenziji lokali li jaħdmu kontra l-vizzji jirriżulta li Boyce qatt ma bbenefika mill-għajnuna tal-istess Aġenzija. Barra minn hekk, żewġ testijiet tal-urina meħuda tul il-kumpilazzjoni tar-rapport irriżultaw fin-negattiv għal sustanzi illeċiti u t-tabib tal-familja Boyce
irrapporta li r-rekord mediku li huwa għandu ma jindikawx problemi relatati ma’ użu ta’ alkoħol.

Il-Qorti spjegat lill-appellant fi kliem ordinarju u bl-aktar mod ċar l-import ta’ din is-sentenza u x’jigri jekk jikkommetti reat ieħor fi żmien li l-perjodu ta’ priġunerija tiegħu ġie sospiż.