Lokali

“Wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti” – PN

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Kelliem għas-Settur Marittimu u x-Xogħol Ivan Castillo u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-200 ħaddiem tal-HSBC Swatar Call Center, li ġew infurmati li xogħlhom ser jkun itterminat.

Hu essenzjali li dawn il-ħaddiema kollha jingħataw l-appoġġ u l-għajnuna li għandhom bżonn. Barra minnhekk, dawn il-ħaddiema u oħrajn għandhom jingħataw l-opportunità b’kull mezz possibli għal ħiliet ġodda biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Il-Gvern għandu opportunità li jibda jinvesti bis-serjetà fil-ħaddiema u issa wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti.

Malta bdiet tesperjenza l-bidliet fil-metodi tax-xogħol bl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-intelligenza artifiċjali, li qed ibiddlu l-mod kif isir ix-xogħol. L-HSBC Swatar Call Center fetaħ f’Malta minħabba l-istandards għolja tal-impjegat Malti, partikolarment fis-settur tal-komunikazzjoni tal-IT u s-servizzi finanzjarji, kif ukoll l-użu tal-lingwa Ingliża.

Din għandha tkun “wake up call” biex il-Gvern Laburista jifhem dak li ilu s-snin jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-importanza tar-“reskilling” u “upskilling” tal-ħaddiema tagħna hi essenzjali biex inkomplu nattiraw investiment dirett barrani u lokali fil-pajjiż. Sfortunatament, il-Partit Laburista baqa’ jkaxkar saqajh u l-pajjiż tilef żmien prezzjuż fejn stajna investejna fit-titjib tal-ħiliet ta’ numru ta’ ħaddiema u attirajna setturi ġodda ta’ impjiegi.

Sal-lum, il-Partit Laburista fil-Gvern għad m’għandux strateġija nazzjonali għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema tiegħu, għall-kuntrarju tal-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li huma avvanzati ħafna fl-iskill mapping u l-antiċipazzjoni tal-valutazzjoni tal-ħiliet. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet, li twaqqaf fl-2016, kien kompletament infunzjonabbli sal-2023 u, bl-ammissjoni tagħhom stess, għad iridu jibdew ix-xogħol biex jibdew fuq strataġija nazzjonali tal-ħiliet.

Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-politika tiegħu għall-antiċipazzjoni u l-pjan għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Ghawdxin lill-MCESD, filwaqt li bil-preżentazzjoni tal-Viżjoni Ekonomika għal Malta, hu ppreparat li jagħmel xogħol li l-Gvern għadu ma għamilx.