Din l-Art Ħelwa u s-Soċjetà Maltija tal-Arkeoloġija ressqu appell lit-Tribunal ta’ Reviżjoni Ambjentali u l-Ippjanar biex tiġi revokata l-approvazzjoni ta’ blokka ta’ appartamenti biswit it-tempji tal-Ġgantija.
Dawn iż-żewġ NGO’s ibbażaw l-appell tagħhon fuq dak li ntqal waqt seduta li saret f’Novembru li għadda, fejn id-Direttorat tal-Ippjanar flimkien mal-Perit tal-iżviluppatur allegatament żgwidaw lill-Bord tal-Ippjanar billi insistew li s-sit ma kienx jaqa’ fil-buffer zone ufffiċjali kif stabbilit għal dan is-sit ta’ wirt dinji.
Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li bħala firmatarja tal-Konvenzjonijiet tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali Dinji, Malta hija obbligata li twettaq heritage impact assessement għal kull applikazzjoni ta’ żvilupp li ssir f’buffer zone ta’ sit meqjus bħala wirt dinji tal-UNESCO.
Iż-żewġ NGO’s li ressqu dan l-appell evalwaw id-dokumenti rilevanti kollha, u kkonfermaw li s-sit huwa fil-buffer zone uffiċjali kif stabbilit għas-sit tal-Ġgantija.
Din l-Art Ħelwa u s-Soċjetà Maltija tal-Arkeoloġija qalu li l-Bord tal-Ippjanar injora sfaċċatament l-insistenza tal-pubbliku dwar il-ħtieġa ta’ heritage impact assesement u pproċeda biex japprova din l-blokka ta’ appartamenti – bi ksur tal-obbligi ta’ Malta bħala stat firmatarju mal-UNESCO.
Huma qed jinsistu li l-permess għall-bini ta’ din il-blokka flats biswit it-tempji preistoriċi kien wieħed inaċċettabbli; u mhux xieraq li permess bħal dan jingħata ħdejn kwalunkew sit ta’ wirt storiku.
Din l-Art Ħelwa u s-Soċjetà Maltija tal-Arkeoloġija għamluha ċara li se jkomplu jikkontestaw din id-deċiżjoni biex ikun żgurat li dan is-sit ikun salvagwardjat.
Ricentament, il-Prim Ministru Robert Abela għamel dikjarazzjoni cara dwar din il-blokka li se tinbena fix-Xaghra. Dan meta qal b’mod dirett li l-Heritage Impact Assesment – skont hu – se jsib li mhux se jkun hemm impatt fuq it-tempji.
//= $special ?>