Futbol Sport

Bejn illum u għada jintlagħab l-aħħar programm ta’ logħob għal din is-sena fejn tispikka l-partita bejn Floriana u Marsaxlokk

(Ritratt: Marsaxlokk FC)

Rowen Camilleri

Il-11-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija wkoll l-aħħar waħda għal din is-sena hekk kif issa l-logħob mill-ogħla diviżjoni jirritorna fis-6 ta’ Jannar tal-2024. L-aktar konfront li jispikka fi tmiem din il-ġimgħa huwa dak bejn il-leaders Floriana u Marsaxlokk , li jinsabu fit-tielet post b’19-il punt daqs Sliema Wanderers. Minbarra dan iżda nsibu konfronti oħra interessanti fejn kull tim se jkun qed jittama li jispiċċa s-sena fuq nota pożittiva.

Floriana vs Marsaxlokk | Għada, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

Il-konfront l-aktar mistenni mill-11-il ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier din il-ġimgħa huwa bla dubju dak bejn Floriana u Marsaxlokk, konfront bejn tal-ewwel u tat-tielet post u bejn żewġ timijiet li għadhom ġejjin minn rebħiet identiċi ta’ 3-0. Floriana jinsabu tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali Ħamrun u bla dubju li se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex jiksbu tliet punti hekk kif wara l-waqfa tal-festi se jkun qed imisshom kontrihom u għalhekk huwa importanti li sa dakinhar iżommu l-vantaġġ li għandhom. L-avversarji Marsaxlokk tista tgħid li huma l-aktar tim iebes li s’issa l-Greens se jkunu lagħbu kontrih, bis-saħħa ta’ dan it-tim qiegħda fl-attakk fejn huma t-tieni l-aktar tim li skorja gowls b’21, wieħed biss inqas mill-istess Floriana. Minn naħa l-oħra t-tim immexxi minn Mauro Camoranesi sofra biss 2 gowls minn 10 partiti u għalhekk Sunday Akinbule, li jinsab fit-tieni post tal-klassifika tal-aqwa skorers u sħabu se jaffaċċjaw l-aħjar difiża s’issa. F’April li għadda, meta ltaqgħu kontra xulxin dawn iż-żewġ timijiet, Floriana kisbu rebħa kbira ta’ 5-1.

Gudja United vs Sirens | Illum, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Fattur komuni bejn Gudja u Sirens huwa l-fatt li wara 10 logħbiet it-tnejn li huma għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa fil-kampjonat, b’ħafna diġa’ qed jikkundannaw lil dawn flimkien ma’ Santa Lucia fiċ-Challenge League l-istaġun li ġej. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Gudja kienu sfortunati li ma kisbux l-ewwel rebħa meta sad-79 minuta kienu qed jegħlbu lil Birkirkara 1-0 sakemm pnelaty mogħti minn Cioalcu ċaħħad l-ewwel rebħa lil Gudja. L-istess kienet il-fortuna ta’ Sirens fl-aħħar logħba tagħhom hekk kif sal-aħħar minuti kienu qed jirbħu 1-0 kontra Naxxar iżda sofrew gowl fl-84 minuta u kellhom jikkuntentaw bi draw. Iż-żewġ timijiet iridu jibdew jiksbu l-punti u jekk possibli, isaħħu l-iskwadra fis-suq ta’ trasferimenti ta’ Jannar biex isalvaw posthom, għalkemm realistikament dan it-tragward huwa kemmxejn iebes għalihom. L-istaġun li għadda, fl-aħħar konfront bejn it-tnejn kienu Sirens li kisbu rebħa ta’ 1-0 b’gowl waħdieni ta’ Ivan Kolev.

Birkirkara vs Gżira United | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Konfront ieħor interessanti minn din il-ġurnata huwa dak bejn Birkirkara u Gżira United, żewġ timijiet li kienu involuti f’nofs il-ġimgħa kontra Gudja u Ħamrun rispettivament. Birkirkara salvaw punt fl-aħħar ħinijiet kontra Gudja, draw li iżda xorta waħda huwa diżappuntanti għat-tim immexxi mill-interim kowċ Brian Chetcuti. S’issa l-amministrazzjoni tal-Istripes jidher li għadha ma laħqet l-ebda ftehim ma’ kowċ ġdid b’ħafna ismijiet u spekulazzjonijiet iżda xejn ikkonfermat. Li hu żgur hu li Birkirkara għandhom bżonn jibdew isibu ftit konsistenza jekk iridu jerġgħu jilagħbu fl-Ewropa l-istaġun li ġej bl-iskwadra evidentament mhux għall-altezza minkejja r-rebħa tal-ġimgħa li għaddiet kontra Ħamrun. Gżira min naħa l-oħra tilfu kontra ċ-champions Ħamrun, it-tieni telfa konsekuttiva, u jekk Birkirkara mhux qed ikunu konsistenti mhux b’inqas il-Maroons li jinsabu fid-disa’ post bi 11-il punt. Birkirkara rebħu l-aħħar konfront kontra Gżira bl-iskor ta’ 3-1 f’April li għadda.

Balzan vs Valletta | Illum, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali

Żewġ timijiet li qed ikollhom staġun diffiċli huma Balzan u Valletta li jiltaqgħu kontra xulxin illum fl-Istadium Nazzjonali. Telfa fl-aħħar ħarġa għat-tnejn li huma fejn Balzan tilfu kontra Sliema filwaqt li Valletta sofrew telfa ta’ 2-0 kontra Hibernians, bil-kowċ Potenza għadu bla rebħa minn ħames logħbiet kemm ilu fit-tmexxija. Bit-timijiet, speċjalment fit-tieni nofs tal-klassifika kollha f’xulxin, rebħa hija bżonnjuża speċjalment għal Valletta li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni b’10 punti daqs Mosta, pożizzjoni li qed turta lil kulħadd speċjalment lill-partitarji passjonali Beltin. Fuq iil-karta Balzan huma xi ftit aktar favoriti li jieħdu t-tliet punti iżda biex jagħmlu dan iridu jgħollu l-livell tal-prestazzjoni li għall-iskwadra li għandhom żġur li qed tkun taħt l-aspettattiva. L-aħħar konfront bejn dawn it-tnejn spiċċa fi draw ta’ mingħajr gowls.

Naxxar Lions vs Sliema Wanderers | Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium

Naxxar Lions u Sliema Wanderers jisfidaw lil xulxin għada filgħodu fis-Centenary Stadium, f’konfront bejn żewġ timijiet neo-promossi li qed jaqtgħu figura mill-aqwa fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Filfatt Naxxar ilhom ma jitilfu għaxar logħbiet, bl-aħħar telfa tkun fit-tieni logħba tal-kampjonat kontra Ħamrun biex minn dakinhar ’l hawn kisbu 4 rebħiet u ġew 4 darbiet draw għal total ta’ 16-il punt li jpoġġuhom fis-sitt post. Fl-aħħar logħba kontra Sirens, il-Lions dehru miexjin għal telfa iżda gowl fl-84 minuta mill-eks Pietà Yamaguchi tagħhom punt ieħor importanti fil-mixja għat-tragward tas-salvazzjoni. Sliema, fir-raba’ post b’19-il punt daqs Marsaxlokk, se jkunu ġejjin minn rebħa kontra Balzan, it-tieni waħda konsekuttiva u r-raba’ mill-aħħar ħames logħbiet, u s-Slimiżi jidher li jistgħu jibdew jaħsbu biex jieħdu xi ħaġa aktar minn salvazzjoni fejn jekk sal-aħħar tal-ewwel round jibqgħu konsistenti jistgħu ibidlu l-objettiv saħansitra anke għall-post mal-ewwel erbgħa. L-istaġun li għadda fiċ-Challenge league Sliema rebħu l-aħħar konfront bejn it-tnejn bl-iskor ta’ 2-0.

Santa Lucia vs Ħamrun Spartans | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali

Wara li fl-aħħar waslet l-ewwel rebħa tal-istaġun għal Santa Lucia, il-ġimgħa li għaddiet iżda reġgħu lura għat-telf meta faċilment kienu megħluba 3-0 minn Marsaxlokk. Bla dubju li dan il-konfront kontra Ħamrun huwa wieħed diffiċli ħafna u trid tkun xi ħaġa speċjali biex is-Saints jieħdu xi ħaġa minn din il-partita kontra avversarju li xejn inqas minn tliet punti ma jissodisfhom fil-mument. Ħamrun kif għedna jridu rebħa akkost ta’ kollox biex iżommu l-pass mal-leaders Floriana li jilagħbu kontrihom fl-ewwel logħba tas-sena l-ġdida.  Għal Ħamrun jirritornaw mis-sospensjoni Elyionay Freitas u Ognjen Bjelicic li kienu sospiżi wara li tkeċċew fit-telfa ta’ 3-0 kontra Birkirkara. L-aħħar logħba bejn Santa Lucia u Ħamrun spiċċat fi draw ta’ 1-1 b’Ħamrun dakinhar kienu diġa’ ddikjarati champions.

Hibernians vs Mosta | Għada, fis-2pm fis-Centenary Stadium

Logħba importanti kemm għal Hibernians kif ukoll għal Mosta, li jilagħbu kontra xulxin għada. Hibernians għandhom bżonn rebħa biex iżommu posthom ma ta’ fuq fejn anke għandhom il-possibiltà li jekk ir-riżultati fil-logħob li jinvolvu lit-timijiet ta fuqhom ikunu favur tagħhom, jitilgħu anke mal-ewwel tlieta. Dan l-istaġun Hibernians qed ikollhom riżultati mħallta, iżda mill-aħħar erba’ partiti rebħu tlieta u tilfu waħda wara perjodu ta’ erba’ logħbiet bla rebħa. Mosta minn naħa l-oħra għandhom problemi ħafna akbar hekk kif ilhom ma jirbħu erba’ logħbiet, fejn fl-aħħar tlieta spiċċaw fuq in-naħa telliefa. Il-Mostin, bħal Valletta għandhom 10 punti u jinsabu fiż-żona l-ħamra iżda għadhom biċ-ċans li jirkupraw hekk kif bejnhom u bejn it-tmien post hemm biss tliet punti, u rebħa tista’ ttellagħhom ‘il fuq fil-klassifika. Doppjetta ta’ Jurgen Degabriele tat rebħa lil Hibernians fuq Mosta fl-aħħar konfront bejn it-tnejn f’Jannar li għadda.