Lokali

Kumpanija oħra ta’ Christian Borg investigata mill-Pulizija dwar allegat frodi

Il-Pulizija wettqu raid fl-uffiċini ta’ Siciliy by Car bħala parti minn investigazzjoni dwar allegat frodi. Din il-kumpanija taqa’ taħt it-tmexxija tal-imprenditur Christian Borg – persuna li għandu diversi akkużi fil-konfront tiegħu, fosthom li ħataf persuna.

Sorsi li tkellmu mal-ġurnal Times of Malta indikaw illi ir-raid sar fl-uffiċini li jinsabu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn il-Pulizija ħadu fil-pussess tagħhom apparat u tagħmir elettroniku; fosthom il-magni li jitħallsu pagament bihom, u anke numru ta’ laptops illi huma proprjeta tal-kumpanija ta’ Christian Borg.

Jidher li din ir-raid saret bħala parti minn investigazzjoni akbar dwar frodi, illi tinvolvi lil din il-kumpanija internazzjonali ta’ karozzi tal-kiri – għalkemm sa issa, ma saru ebda arresti.

Il-kumpanija Sicily by Car kienet bdiet topera lura fl-1963 u llum il-ġurnata għandha iktar minn 60 ufficcju madwar l-Italja u aktar minn 20,000 vettura għall-kiri. Din l-istess kumpanija kienet tbiegħdet minn Christian Borg wara sensiela ta’ akkużi li affaċja fil-Qorti fl-aħħar snin.

Fost l-oħrajn, Christian Borg qed jiġi akkużat flimkien ma’ grupp ta’ sitt persuni li ħatfu raġel f’Jannar tal-2022 u hedduh li jistupraw lil oħtu. Borg qed ikun akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus u x-xiri ta’ drogi fuq id-dark web permezz tal-cryptocurrency.

Christian Borg – ħabib tal-Prim Ministru Robert Abela – kien għamilha mill-ġdid fl-aħbarijiet meta l-kumpanija tiegħu No Deposit Cars Malta allegatament uża prattiċi kummerċjali qarrieqa u frawdolenti billi ġiegħel lill-klijenti jiffirmaw kuntratti b’kundizzjonijiet mhux favorevoli meta jixtru karozzi użati.