Futbol Sport

Man City miżmuma minn Crystal Palace, Bournemouth kontra Luton abbandunata

(Ritratt: EPA)

Ikompli l-istaġun inkosisitenti ta’ Manchester City meta f’darhom kienu miżmuma fi draw ta’ 2-2 minn Crystal Palace minkejja li kienu 2-0 fil-vantaġġ. Bidu mill-aqwa għat-tim ta’ Pep Guardiola meta kien Jack Grealish wara 24 minuta li għamilhom 1-0. City rduppjaw fit-tieni taqsima permezz ta’ Rico Lewis. Crystal Palace bdew ir-rimonta tagħhom fis-76 minuta permezz ta’ Jean-Philippe Mateta qabel ma fil-ħin mogħti żejjed kien Michael Olise li ġab l-iskor indaqs permezz ta’ penalty.

Fil-Vitality Stadium mument xokkanti f’nofs it-tieni taqsima wassal biex il-partita tkun abbandunata bl-iskor ikun dak ta’ 1-1. Dan wara li l-player u captain ta’ Luton Tom Lockyer tah attakk f’qalbu. Il-plejer ta’ 29 sena ttieħed l-isptar fejn kien ikkonfermat li jinsab f’qagħda stabbli. Din ma kinitx l-ewwel darba li l-istess plejer tah attakk f’qalbu f’logħba futbol, hekk kif ġralu hekk fil-finali tal-play-off kontra Coventry City f’Mejju li għadda. Intant il-gowls f’din il-partita sa ma ġiet abbandunata kienu skorjati minn Elijah Adebayo għal Luton u Dominic Solanke għal Bournemouth.

Chelsea kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva għall-ewwel darba dan l-istaġun meta għelbu lil Sheffield United 2-0. Cole Palmer poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ fl-54 minuta qabel ma’ Nicolas Jackson għamilhom 2-0 u aċċerta mir-rebħa.

Newcastle f’darhom kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq Fulham. Bidu ħażin għal Fulham hekk kif wara biss 22 minuta tkeċċa l-attakkant tagħhom Raul Jimenez. Newcastle approfittaw minn dan u fit-tieni taqsima skorjaw tliet darbiet. L-ewwel permezz ta’ Lewis Miley fis-57 minuta, mbagħad Miguel Almiron tmien minuti wara u Dan Burn għamilhom 3-0 fit-82 minuta.

Tkompli wkoll il-forma pożittiva ta’ Everton hekk kif kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva b’rebħa ta’ 2-0 fuq Burnley. Amadou Onana poġġa lit-tim ta’ Sean Dyche fil-vantaġġ wara 19-il minuta qabel ma’ Michael Keane rdoppja fil-25 minuta.

PREMIER LEAGUE
Illum: B’mouth v Luton 1-1(abb.) Chelsea v Sheff. Utd 2-0 Man City v C. Palace 2-2 Newcastle v Fulham 3-0 Burnley v Everton 0-2 Għada: Arsenal v Brighton 3.00pm, Brentford v A. Villa 3.00pm, West Ham v Wolves 3.00pm, Liverpool v Man Utd 5.30pm