Il-premju Ħaddiem tas-Sena ta’ din is-sena ngħata lil Monsinjur Victor Grech għal karattru bi kwalitajiet u ħiliet ta’ valur u ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija.
Waqt ċeremonja li nżammet mill-President ta’ Malta, George Vella, hu qal li l-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena huwa ċertifikat prestiġjuż li jixhed il-bżulija u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema tagħna.
“Huwa tassew sabiħ u importanti li niċċelebraw dawk l-individwi fostna li għandhom karattru bi kwalitajiet u ħiliet ta’ valur u ta’ ispirazzjoni. Il-ħaddiema, u x-xogħol li jagħmlu, jiffurmaw il-fus li fuqu tiġi bbażata s-soċjetà tagħna, is-sinsla tal-progress soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna,” qal il-President waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni.
Waqt li feraħ lir-rebbieħa u n-nominati kollha tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena, il-President tkellem fuq kif ix-xogħol jgħin lill-bniedem jikber, jiskopri u jiżviluppa t-talenti u l-kapaċitajiet tiegħu.
“Għalhekk aħna ngħidu li x-xogħol huwa s-salmura tal-ġisem, għaliex ħidmietna tagħtina sens aktar b’saħħtu t’identità u rwol produttiv f’kuntest soċjali aktar wiesa’,” stqarr il-President waqt li rrefera wkoll għat-tibdil kontinwu fir-realtà tal-ambjent tax-xogħol.
Il-President qal li rridu nżommu f’moħħna li l-ħaddiem huwa l-akbar riżorsa li għandha Malta. “Pajjiżna huwa mimli b’ħaddiema kompetenti u kapaċi, li lesti jagħmlu aktar milli huwa mistenni minnhom biex joffru servizz ta’ eċċellenza. Huwa importanti għalhekk li nagħrfu kif nieħdu ħsieb il-ħaddiema tagħna bl-aħjar mod possibbli,” qal il-President George Vella.
B’referenza għaż-żieda tal-ħaddiema barranin fostna u l-kontribut siewi li qed jagħtu fl-ekonomija, Dr Vella ħeġġeġ lil kulħadd biex jipprattika t-tolleranza meħtieġa u biex nippromwovu ambjent tax-xogħol iżjed inklussiv li jagħti d-dinjità mistħoqqa lil kulħadd.
Ir-rebbieħa kollha huma:
- Premju Nazzjonali Ħaddiem/a tas-Sena – Dun Victor Grech
- Maniġer/Kap tas-Sena – Dr Renzo De Gabriele, imexxi l-Anzjanità Attivà u Kura fil-Komunità
- Tim tas-Sena – Direttorat għall-Kura tad-Dimensja
- Organizzazzjoni li tippromwovi l-bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja privata – Multivend Services
Limited - Premju għall-aħjar Imprenditriċi/Imprenditur – Jacques Scerri, Direttur Maniġerjali talkumpanija Centro Casalinga
- Premju għall-aktar Mexxej/ja Żagħżugħ/a Ispiranti – Dr Geraldine Spiteri Lucas, CEO Malta
Business Registry - Premju għall-aktar Kumpanija li tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali – Fondazzjoni Nazareth
- Premju għall-aktar Organizzazzjoni Inklussiva – Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta
- Premju ta’ lifetime achievement – Albert Marshall