Lokali

Protesta favur it-tfal Palestinjani

Is-Sibt waranofsinhar saret protesta quddiem Kastilja fil-Belt organizzata min Youth for Palestine akkumpanjati minn Moviment Graffitti biex jesprimu solidarjeta mal-poplu Palestinjan li qisuhom li ilhom 75 sena jġarrab tkeċċija minn artu.

Il-kelliema appellaw biex issir azzjoni internazzjonali kontra il-vjolenza li għaddejja bħalissa.

Huma qalu li qabel ma bdiet il-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas it-toroq ta’ Gaza kienu mimlija tfal iżda llum il-ġurnata qed naraw biss tfal li qed isofru quddiem il-ġlied li għaddej fil-Medda ta’ Gaza.

Mijiet ta’ eluf ta’ tfal Palestinjani ġew affettwati direttament mill-attakk ta’ Iżrael fuq il-Medda ta’ Gaza. Aktar minn 18,000 Palestinjan ġew maqtula mill-Israel matul dawn l-aħħar ġimgħat fejn kważi nofshom huma tfal. Apparti tfal maqtula, numru kbir ta’ tfal spiċċaw midruba serjament filwaqt li ma jonqosx it-trawmi kbar għall-ħajjithom.

Moviment Graffiti saħaq li l-attenzjoni tad-dinja għal dak li qed jiġri fil-Palestina hija waħda mill-ftit armi li fadallu l-poplu Palestinjan sabiex jiġġieled kontra l-ħruxija Iżraeljana u l-appoġġ li ssib mill-Istati Uniti u ħafna mexxejja Ewropej.

Huma qalu li s-sitwazzjoni f’Gaża hija traġedja bla tmiem hekk kif ix-xita ta’ bombi mitfugħin mill-Iżrael kissru kollox u wasslu biex il-Palestinjani spiċċaw jistkennu ġewwa sptarijiet, skejjel u kampijiet tar-refuġjati. Moviment Graffiti kompla li l-assedju Iżraeljan qed iwassal biex il-Palestinjani jmutu ukoll bil-ġuħ, bil-għatx u bil-mard filwaqt li 1.9 miljun Palestinjan, minn popolazzjoni ta 2.3 miljun, kellhom jaħarbu minn djarhom.

Ritratti-Martin Agius