Internazzjonali

Protesti f’Tel Aviv wara dak li Iżrael sejjaħ “żball traġiku”

Il-militar Iżraeljan ikkonferma li qatel tliet ostaġġi żgħażagħ bi żball waqt operazzjoni li wettaq f’Gaza wara li dawn it-tliet individwi ġew identifikati bħala “theddida” – meta fil-fatt ma kienux.

L-ostaġġi li inqatlu mill-Iżraeljani ġew identifikati bħala Yotam Haim, Samar Talalka u Alon Sharmiz – u dawn ġew maqtula minn truppi ta’ Iżrael fit-Tramuntana ta’ Gaza.

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu sejjaħ il-qtil tagħhom bħala “traġedja inaċċettabbli”. Filwaqt illi sostna li qed jagħmel minn kollox biex iġib lura l-ostaġġi li għadhom maħtufa. Il-Gvern Amerikan minn naħa tiegħu saħaq li l-qtil kien “żball traġiku”.

Wara dan l-iżball oħxon, mijiet ta’persuni inġabru fiċ-ċentru ta’ Tel Aviv bħala protesta. U mxew lejn bażi militari tal-IDF, fejn talbu lil Gvern biex jassigura ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi li fadal.

Bħalissa għad hemm aktar min 100 ostaġġ f’Gaza wara li kienu nqabdu fis-7 ta’ Ottubru meta l-Hamas attakka lil Iżrael.