Lokali

Tliet għaqdiet jilmentaw wara li laqgħat ferm importanti mal-awtoritajiet ġew posposti fl-aħħar minuta

Moviment Graffitti, Rota, u Friends of the Earth Malta ħarġu jikkundannaw l-aġir ta’ Transport Malta u Malta Maritime Authority wara li ripetutament ipposponew fl-aħħar minuta laqgħat meqjusa ferm importanti dwar liġi li ħarġet b’rabta mal-e-bike u scooters fuq il-fast ferry.

Din il-laqgħa kellha ssir wara li l-organizzazzjonijiet urew dubji serji dwar in-nuqqas ta’ serjetà quddiem trasport li jikkonsisti minn mezzi li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent. Dan quddiem l-ammont kbir ta’ traffiku u t-tniġġis tal-arja f’pajjiżna.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu kif l-aħħar laqgħa, li kellha ssir il-bierah fid-9 am spiċċat tħassret ftit minuti biss qabel, bil-membri tal-għaqdiet li wħud minnhom huma Għawdxin kienu fi triqthom lejn l-uffiċini ta’ Trasnport Malta f’Ħal Lija jew saħansitra kienu waslu fil-post.

Fl-aħħar ġimgħat, l-operatur tal-fast ferry daħħal regolamenti li jillimitaw ir-roti elettriċi fuq ġewwa b’riżultat li dawn l-istess roti jispiċċaw fuq barra b’riskju ta’ ħsara sostanzjali kaġun tal-maltemp jew saħansitra l-ilma baħar fuqhom. Dan apparti li l-individwi li jkollhom magħhom dawn ir-roti għandhom ikunu abbord mill-inqas 20 minuta qabel il-vapur jitlaq minn mal-port.

Dawn ir-regoli ddaħħlu fis-seħħ minħabba tħassib ta’ li l-batteriji tal-e-bikes jistgħu jaqbdu abbord, liem tħassib m’hemmx evidenza għaliha.

L-għaqdiet qed jipproponu li wieħed jitfi l-batterija elettronika meta jirkeb il-vapur, liema soluzzjoni tista’ tiġi implimentata faċilment u mingħajr spejjeż. Huma qalu li meta wieħed iqis dan kollu fil-kuntest tal-problemi usa’ marbuta mat-trasport f’Malta, in-nuqqas serju ta’ infrastruttura għaċ-ċiklisti u l-problemi tat-traffiku li dejjem qed jikbru, jidher li l-awtoritajiet ma jafux x’qed jagħmlu u mhumiex kapaċi jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa fi żmien meta neħtieġu azzjoni b’mod urġenti.