Aktar pajjiżi qed jingħaqdu f’impenn biex jipperswadu lil Iżrael iwaqqaf il-bumbardamenti ta’ Gaza li qegħdin jissarrfu f’aktar imwiet ta’ ċivili Palestinjani.
Madankollu, l-Iżraeljani qed ikomplu xorta bl-intensità tal-attakki fuq it-terroristi tal-grupp Ħamas f’Gaza. Dan ukoll meta Iżrael ma jridx jikkunsidra ftehim ieħor għall-waqfien mill-ġlied dment li l-Ħamas jibqalhom il-kapaċità biex jattakkaw lill-ibliet u l-villaġġi Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
Iżrael ma jeskludix li l-Ħamas – f’każ li ma jispiċċax eliminat –‘il quddiem, kapaċi jwettaq rejds terroristi (fuq l-artijiet Iżraeljani) bl-istess qilla daqs l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru fejn kienu nqatlu talanqas 1,200 Iżraeljani fost il-ħtif tal-mijiet tal-ostaġġi.
Min-naħa tagħhom, il-Hamas, li għadhom qed iżommu madwar 130 ostaġġ f’Gaza, qalu li ma jista’ ikun hemm l-ebda negozjati dwar dawn l-ostaġġi għaż-żmien kollu li tkompli l-offensiva tal-Iżraeljani fuq id-diversi bliet fit-Tramuntana u n-Nofsinar ta’ Gaza.
Intant, Iżrael, fl-aħħar sigħat, kien qed jirranka l-offensiva f’Gaza, bil-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu mill-ġdid jirrifjuta waqfien mill-ġlied minkejja l-pressjoni min-naħa tal-komunità internazzjonali. Netanyahu qal ukoll li hu għandu l-appoġġ tal-poplu Iżraeljan biex ikompli bl-attakki fuq il-Ħamas u li l-Iżraeljani ma jridux jgħixu aktar taħt id-dell tat-terroriżmu minn Gaza.
Netanyahu, aktar qabel, kien kellem lill-istampa biex jinfurmahom dwar in-neċessità tal-pressjoni militari fuq Gaza bħala fattur fin-negozjati għall-ħelsien tal-ostaġġi minn idejn il-Ħamas. Fl-istess ħin, il-Mexxej Iżraeljan ikkonferma li għaddejjin taħditiet biex l-Iżraeljani miżmuma f’Gaza jintbagħtu lura d-dar u fost rapporti li l-Qatar u l-Eġittu qegħdin iservu bħala medjaturi fil-kwistjoni.
Sadanittant, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin, Catherine Colonna, sejħet għal waqfien mill-ġdid immedjat f’Gaza li, skont hi, hu neċessarju minn aspett umanitarju peress li l-vittmi ċivili qegħdin jiżdiedu bl-għexieren minn siegħa għall-oħra.
Franza, fl-istess ħin, qed tappoġġja ‘soluzzjoni politika’ għall-kriżi fil-Lvant Nofsani waqt li r-Renju Unit u l-Ġermanja wkoll qed jappellaw għal waqfien mill-ġlied bejn l-Iżraeljani u l-Ħamas, dment li l-ftehim ikun sostenibbli għat-tul taż-żmien.
//= $special ?>