Internazzjonali

Is-Serbja: Elezzjoni sinifikanti għall-Gvern fost l-isfidi domestiċi u minn barra

Il-poplu tas-Serbja qed jivvota fl-elezzjoni nazzjonali bikrija u fost indikazzjonijiet li l-Partit tal-President Aleksander Vucic għandu jirbaħ mandat ġdid ta’ poter minkejja l-aħħar mewġa ta’ protesti kontra l-Gvern.

Skont l-aħħar tbassir, il-koalizzjoni mmexxija mill-Partit Progressiv tas-Serbi (SNS) għandu jżomm il-maġġoranza fil-Parlament – bir-riżultati ma jidħlux sal-ħin li morna għall-istampa.

Madankollu, mistenni wkoll li l-koalizzjoni tiffaċċja sfida iebsa ħafna fl-elezzjonijiet lokali li qed isiru fl-istess żmien u fejn teħtieġ li tegħleb l-isfida ta’ koalizzjoni magħmulha minn partiti tal-Oppożizzjoni li qed tmexxi kampanja kontra l-vjolenza fis-Serbja.

Dawn il-partiti tal-Oppożizzjoni qed jgħidu li l-vjolenza ‘konsistenti’ fis-Serbja tirrifletti kultura intollerabbli  li, skont huma, qed tkun xprunata mill-President Vucic, il-koalizzjoni fil-Gvern u anki mill-alleati (tal-Gvern) fil-media.

Is-Serbja anki qed tipprova trażżan l-inflazzjoni għolja li laħħqet mat-8 fil-mija waqt li tinsab taħt pressjoni mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex tinnormalizza r-relazzjonjiet mal-Kosovo. Ir-Repubblika tal-Kosovo kienet iddikjarat l-indipendenza mis-Serbja fl-2008 u liema status għadu sallum mhux rikonoxxut mit-Tmexxija f’Belgrad.