Lokali

L-għoli tal-ħajja qed tħalli effett kbir fuq ix-xiri tar-rigali

Hekk kif il-prezzijiet qed ikomplu dejjem jogħlew u l-poplu qed ibati biex ilaħħaq magħhom din is-sitwazzjoni ġiet deskritta mill-MaltaToday bħala “il-Grinch tal-Milied” li qed jagħfas fuq il-familji.

Survey riċenti li ġie ppublikat minn din il-gazzetta wera kif 41% tan-nies se jkunu qed jonfqu inqas flus fuq ir-rigali tal-Milied. U skont dan is-suvery il-pjaga tal-għoli tal-ħajja qed tinħass l-aktar minn dawk li għandhom dħul ta’ inqas minn €2,000 fix-xahar.

Apparti minn hekk, meta l-parteċipanti ta’ dan l-istħarriġ wieġbu mistoqsija sabiex jikkumparaw il-budget tagħhom tar-rigali għal din is-sena ma’ dak tas-sena li għaddiet…4 minn kull 10 qalu li se jonfqu anqas. Dan filwaqt li 9% biss qalu li se jonfqu l-istess ammont – iżda se jnaqqsu l-infieq tagħhom f’affarijiet oħrajn.

Fuq livell reġjonali dawk li qalu li se jonfqu inqas fuq rigali kienu dawk li jgħixu fin-naħa ta’ fuq tal-Port; zona li tinkludi bliet prinċipali bħal Ħal Qormi, Birkirkara kif ukoll Tas-Sliema u li jammontaw għal 49%.

Minn naħa l-oħra 9% tal-parteċipanti qalu li se jnaqqsu l-infieq tagħhom fl-ikla tradizzjonali tal-Milied. Hawnhekk, ingħad li dan hu indikazzjoni li dan l-avveniment tant huwa importanti li n-nies lesti li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jiċċelebrawh bħas-soltu. Iżda bil-prezzijiet dejjem qed jisplodu ‘il fuq … dawk li qed jippjanaw li jonfqu l-istess budget, xorta mhux se jkunu jistgħu jixtru ikel daqs is-soltu.

Intant, kollox qed jindika li l-familji Maltin mistennija jkomplu jħabbtu wiċċhom mal-kriżi tal-għoli tal-ħajja anke matul is-sena li ġejja. Dan kien konfermat mill-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, illi qed tipproġetta li r-rata tal-inflazzjoni lokali se tibqa’ għolja b’mod sinifikanti.

It-tbassir ekonomiku Ewropew tal-ħarifa qed jipproġetta li r-rata ta’ inflazzjoni se tkun 3.3% is-sena d-dieħla u tinżel marġinalment għal 3.1% fl-2025. Dan meta l-medja tal-UE hi mbassra li tkun ta’ 3.5% u 2.4% rispettivament.