Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ żewġ aħwa li huma akkużati li ssuplixxew l-isplussiv fl-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia sabiex il-laqam tal-familja jitneħħa mid-dokumenti tal-Qorti.
Robert u Adrian Agius li huma magħrufin bħala Tal-Maksar sostnew li l-ġurati jistgħu jabbinaw liż-żewġ aħwa ma’ membri oħra tal-familja li huma magħrufin sew fid-dinja kriminali.
Iż-żewġt aħwa flimkien ma’ Jamie Vella kif ukoll George Degiorgio jinsabu akkużati b’involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017 kif ukoll bil-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015.
Fil-qtil ta’ Carmel Chircop, Degiorgio u Vella jinsabu akkużati bil-qtil filwaqt li l-aħwa Agius jinsabu akkużati bħala kompliċi fl-istess qtil. Dan apparti li l-aħwa Degiorgio qed jiskontaw 40 sena ħabs wara li fil-Qorti ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.
Matul il-jum tal-Ġimgħa l-Imħallef Edwina Grima indirizzat it-talbiet kollha li għamlu l-akkużati. Għat-talba tat-tneħħija tal-laqam l-akkużat Vella ingħaqad mal-aħwa dan hekk kif huwa qal li l-ġurati jistgħu jassoċċjawh ma’ dan il-laqam.
Hawnhekk, l-Avukat Ġenerali insistiet li laqam jidentifika identita ta’ persuna dan apparti li diversi xhieda rreferew għall-aħwa bil-laqam tal-familja fl-istadju tal-kumpilazzjoni.
Iżda l-Qorti kellha tikkunsidra wkoll jekk ikunx hemm preġudizzju fil-konfront tal-akkużati kaġun tal-laqam speċjalment jekk iwassal għal nies li fil-passat seta’ kellhom reputazzjoni kriminali…referenza li hija pprojbita fil-Qorti. Kien għalhekk li l-Imħallef Edwina Grima laqgħet it-talba tal-aħwa Agius.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Imħallef qalet li l-prosekuzzjoni fil-ġuri trid issaqsi domandi li bl-ebda mod ma jirreferu għal dan il-laqam anke jekk ix-xhieda jużaw il-laqam fir-risposti tagħhom. Hawnhekk, l-Imħallef fakkret li l-Qorti m’għandiex kontroll jekk jiġri hekk.
L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qed jidhru għal Robert u Adrian Agius kif ukoll Jamie Vella li huwa assistit mill-Avukat Ishmael Psaila. L-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri qed jassistu lil George Degiorgio.

