Futbol Sport

Tliet gowls fl-ewwel taqsima jagħtu rebħa komda lil Ħamrun kontra Santa Lucia

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

SANTA LUCIA…..1

ĦAMRUN S……….3

Sta. Lucia: C. Silva, M. Ellul, A. Arthur (D. Xuereb 62’), M. Vella (J. Carbone 46’), S. Pisani, T. Nagamatsu, J. Pisani, G. Virano (A. Piazza 24’), C. Gabriel, P. De Olieira,S. Xerri.

Ħamrun S: H. Bonello, E. Marcelina, J. Mbong, R. Prsa, Y. Nenov, U. Djuranovic, B. Ederson, O. Bjelicic, J. Corbalan, L. Montebello (K. Scicluna 84’), J. Robert (S. Paintsil 83’)

Imwissija: P. De Oliveira 31’, S. Xerri 85’) (Sl), J. Robert 65’ (Ħ)

Skorjaw: Y. Nenov 4’, L. Montebello 31’, U. Djuranovic 45+3’ (Ħ), T. Nagamatsu 53’ (Sl)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Mitchell Scerri u Shaun Calleja

BOV Plejer tal-Logħba: Luke Montebello (Ħamrun Spartans)

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Luke Montebello (Ħamrun Spartans)

Ħamrun Spartans temmew l-impenji tagħhom għal din is-sena b’rebħa komda ta’ 3-1 kontra Santa Lucia bil-gowls kolha ta’ Ħamrun jaslu fl-ewwel taqsima. Għal Santa Lucia din kienet is-seba’ telfa fil-kampjonat li ħalliethom ankrati fl-aħħar pożizzjoni b’6 punti. Din kienet rebħa oħra importanti għal Ħamrun bl-avversarji li jmisshom wara l-waqfa tal-festi jkunu Floriana f’dak li għandu jkun l-aktar konfront interessanti s’issa.

Ħamrun ħadu biss erba’ minuti biex fetħu l-iskor meta kross mix-xellug ta’ Luke Montebello sab lil Yulian Nenov f’pożizzjoni perfetta u b’daqqa ta’ras preċiża għeleb lil Celio Silva.

Santa Lucia kellhom ċans tad-deheb li jġibu l-gowl tad-draw fit-28 minuta iżda x-xutt mill-viċin ta’ Nagamatsu kien maqlugħ minn fuq il-linja mid-difiża ta’ Ħamrun.

Ftit wara n-nofs siegħa logħob Ħamrun idruppjaw permezz ta’ xutt mill-viċin ta’ Luke Montebello wara li rċieva mingħand Emerson Marcelina fost protesti mill-plejers u diriġenti ta’ Santa Lucia għal offside ta’ Marcelina.

Ftit qabel il-mistrieħ Ħamrun għalqu prattikament il-logħoba bit-tielet gowl fejn kien Corbalan mix-xellug li qassam fil-kaxxa lejn Uros Djurnaovic li bit-takkuna tefa’ wara l-goalkeeper tas-Saints biex Ħamrun daħlu jistrieħu f’vantaġġ komdu ta’ 3-0 fuq Santa Lucia.

Santa Lucia bdew tajjeb fit-tieni taqsima u saħansitra skorjaw permezz ta’ Tatsuro Nagamatsu li b’xutt b’saħħtu mil-viċin tefa’ wara Bonello.

Minkejja li sofrew dan il-gowl Ħamrun xorta waħda għarfu jamministraw il-logħba biex ħadu dak li riedu biex żammew il-pass ma’ Floriana li jilagħbu kontrihom fl-ewwel logħba tas-sena l-ġdida.