Wara li fl-aħħar jiem ħarġet il-konferma li l-prezz tal-ħalib lokali se jkun qed jerġa’ jiżdied, din l-aħbar ma niżlet xejn tajjeb man-nies li diġa’ qed isibuha diffiċli biex ilaħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum. Tant li anke fuq il-paġna tal-media Laburista…tfaċċaw ħafna kummenti ta’ nies li ġenwinament ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Iż-żieda fil-prezz tal-ħalib lokali hija t-tieni waħda li esperjenzajna din is-sena; żieda li se tkun qed tiekol sew il-COLA li ħabbar il-Gvern fil-Budget.
Mil-ġimgħa d-dieħla, il-ħalib normali ta’ litru se jogħla bi 15-il ċenteżmu – żieda li bla dubju se tkun daqqa għal diversi familji, anzjani, koppji żgħażagħ li għandhom tfal żgħar, u dawk li bilfors iridu jixorbu ħalib lactose free.
Quddiem dan kollu, diversi persuni kkumentaw taħt l-istorja li ħareġ ONE News fejn qalu illi dak li l-Gvern Laburista se jagħti mill-bidu tas-sena d-dieħla se jkun qed jitnaqrilhom mal-ewwel biż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi.
Kumment partikolari irrimarka li issa ħadd m’għandu għalfejn igerger għax sirna “sinjuri żgħar”. Filwaqt li kumment ieħor fisser kif il-Gvern qed jidħaq bil-poplu Malti u Għawdxi meta jgħid li l-inflazzjoni qiegħda tonqos.
Taħt l-istess artiklu, persuna oħra qalet li 15-il ċenteżmu fuq ħalib ta’ litru hi żied sostanzjali meta tikkunsidra li familja jaf ikollha tixtri aktar minn pakkett wieħed kuljum.
Il-prezzijiet il-ġodda tal-ħalib se jidħlu fis-seħħ b’effett minn nhar il-Ġimgħa, bil-kumpanija Malta Dairy Producuts tgħid illi dawn qed jirriflettu ż-żidiet sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-operat.
//= $special ?>