Iktar minn 100,00 ħaddiem barrani jaħdmu f’Malta
Fil-ħames snin bejn l-2018 u l-2020 il-gvern ħareġ 65,023 permess tax-xogħol lil ħaddiema barranin minn barra l-UE.
Id-deputat Nazzjonalista Garziella Galea staqsiet lill- Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l- Ugwaljanza jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema minn barra l-UE li kienu mogħtija l-permess biex jiġu jaħdmu hawn Malta mill-2018. Hi satqsiet kemm minn dawn il-persuni għadhom hawn Malta u x’tip ta’ koordinazzjoni sseħħ bejn Identità Malta u l-Jobsplus biex jiġi assigurat li dawn il-persuni fil-fatt ikunu qed jaħdmu.

Il-Ministru Byron Camilleri wieġeb li n-numru ta’ permessi ta’ residenza ġodda għal raġunijiet ta’ xogħol sena b’sena kienu; total ta’ 10,178 fl-2018, total ta’ 12,644 fl-2019, total ta’ 6,592 fl-2020, total ta’ 8,060 fl-2021 u total ta’ 27,549 fl-2022 għal total sħiħ ta’ 65,023.
Hu qal li l-Aġenzija Identità u Jobsplus jikkooperaw flimkien sabiex ikun imrażżan kwalunkwe abbuż fuq ħaddiema barranin. Permezz ta’ ftehim li hemm bejn iż-żewġ entitajiet, li l-informazzjoni bejniethom tinqasam b’mod regolari u mmedjat, qed isiru spezzjonijiet konġunti fuq postijiet tax-xogħol b’mod regolari.
Jirriżulta li f’Ġunju 2023 li għadda kien hawn 36,906 ħaddiem mill-UE u pajjiżi tal-EFTA flimkien ma’ 67,531 ħaddiema minn barra l-UE għal total ta’ iktar minn 100,000 ħaddiem barrani jaħdmu f’Malta.