Internazzjonali

Ajruplan jimxi waħdu fuq il-mitjar bir-riħ qawwi li hemm fl-Arġentina

Il-maltemp li hemm fl-Arġentina wassal biex ajruplan tal-passiġġieri beda miexi waħdu fuq il-mitjar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Buenos Aires Jorge Newbery kawża tar-riħ qawwi li hemm fiz-zona. Dan wassal biex ħareġ mill-post fejn kien ipparkjat u beda jdur waħdu b’riżultat li daħal f’taraġ li jintuża’ biex il-passiġġieri jitilgħu fuq l-ajruplan.

L-inċident seħħ is-Sibt filgħaxija, bir-riħ qed jaqbeż sew il-forza 12 tant li qed ikun ikkunsidrat li hemm urugan biz-zona.

F’filmat li ġie xxerjat fuq X, magħruf ukoll bħala Twitter, l-ajruplan Boeing 737-700 kien għadu kemm niżel fl-ajruport wara vjaġġ li sar minn Santiago del Estero. Dan l-ajruplan kien skedat li jagħmel vjaġġ ieħor lejn Medoza l-għada filgħodu iżda din it-titjira kellha tiġi kkanċellata kaġun tal-ħsarat li ġarrab l-ajruplan.

Dan hekk kif l-ajruplan, kaġun tal-inċident, spiċċa nqaleb fuq il-ġenb tiegħu wara li daħal fit-taraġ.

Kaġun tal-maltemp, diversi titjiriet qed jiġu kkanċellati hekk kif mhux sigur li l-ajruplani jtiru għad-destinazzjoni tagħhom.

Maltemp bis-sajjetti li laqgħat l-Arġentina fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet qatel mill-inqas 16 persuna, kemm fil-pajjiż u anke l-Urugwaj.