Lokali

“Ċertifikat ieħor ta’ kundanna mill-Awditur Ġenerali dwar nuqqasijiet fl-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi mill-Gvern” – PN

B’referenza għar-rapport voluminuż li ġie ppubblikat mill-Awditur Ġenerali dwar il-kontijiet pubbliċi għas-sena 2022, il-Partit Nazzjonalista jistqarr li dan hu ċertifikat ta’ kundanna oħra ta’ nuqqasijiet fit-tmexxija pubblika u l-fondi pubbliċi.

Dan ħareġ minn stqarrija li saret mill-Kelliem għall-Amministrazzjoni Pubblika, Darren Carabott u l-Kelliem għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli li fir-rapport ippubblikat illum, l-Awditur Ġenerali ddikjara iswed fuq l-abjad li sab numru ta’ nuqqasijiet, fosthom li b’mod sistematiku kienu injorati r-regoli tal-proċedura tal-akkwist, kif ukoll servizzi li saru taħt kuntratti skaduti, li l-Gvern naqas milli jinforza u jiġbor ammonti li huma dovuti lejh, nuqqasijiet ta’ rekord xieraq ta’ verifika, nuqqasijiet fis-sistema tal-kalkolu tal-pagi tas-settur pubbliku u nuqqasijiet dwar kontrolli u segregazzjoni tar-rwoli fil-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista jistqarr li dan ir-rapport jidħol fid-dettall tal-operat tal-Gvern u li saħansitra indika numru ta’ nuqqasijiet li fix-xhur passati qajmu għarfien dwarhom id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista fis-setturi rispettivi tagħhom. Dan hu prova ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista hu alternattiva għall-mod kif qed issir it-tmexxija pubblika preżenti.

Il-Partit Nazzjonalista jiddikjara li għal darb’oħra, dan ir-rapport hu kundanna dettaljata dwar kemm il-Gvern qed jabbuża mit-taxxi tal-poplu Malti u fl-istess waqt, jistqarr li se jkompli jimpenja ruħu biex ikun ta’ skrutinju u oppożizzjoni kull fejn hemm nuqqasijiet li jkunu ta’ ħsara għall-poplu Malti.

Issa, il-Partit Nazzjonalista jistenna reazzjoni u dikjarazzjoni ċara dwar kif il-Gvern se jilqa’ u jagħmel tiegħu il-250 u aktar rakkomandazzjoni li ħareġ l-Awditur Ġenerali biex il-Gvern ibiddel ir-rotta u jagħmel użu tajjeb mill-fondi u l-kontijiet pubbliċi.