Lokali

“Eżerċizzju ta’ konsultazzjoni qarrieq mistenni jwitti t-triq għal airstrip għall-ajruplani mudelli f’Wied Żnuber” – Moviment Graffitti

Għaxar organizzazzjonijiet jikkudannaw il-konsultazzjoni pubblika qarrieqa li tnediet mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-aħħar ta’ Novembru, li bl-iskuża li se tiġi estiża l-art ODZ, fil-fatt l-għan tagħha huwa li tbiddel il-Pjan Lokali ta’ Ħal Far biex taġevola l-ftehim sigriet li sar bejn tliet aġenziji tal-gvern u l-Assoċjazzjoni tat-Titjir tal-Mudelli tal-Ajruplani ta’ Ħal Far fi Frar tal-2022.

Dan il-ftehim kien trasferixxa art pubblika għall-bini ta’ airstrip għall-mudelli tal-ajruplani f’Wied Żnuber, f’żona li bħalissa hija mmarkata għal żvilupp industrijali. Fost it-tibdil propost f’din il-konsultazzjoni insibu, “Biex tiġi kkunsidrata l-allokazzjoni ta’ parti minuri tas-sit kif jidher fuq il-Mappa numru 1għal sport b’impatt baxx” u “Biex jiġu provduti linji gwida għall-politika dwar l-użu futur u l-parametri tal-iżvilupp taż-żona tal-isport b’impatt baxx”.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ juri d-diżapprovazzjoni tiegħu għal din il-proposta billi jibgħat email fuq halfar.review@pa.org.mt sal-Ħamis, 21 ta’ Diċembru.

Huwa ċar li l-għan prinċipali ta’ dawn il-bidliet proposti fil-Pjan Lokali huwa dak li jwitti t-triq għall-iżvilupp ta’ airstrip għall-ajruplani mudelli, li s’issa, mhux tip ta’ żvilupp li jippermetti l-Pjan Lokali taż-żona. Huwa inaċċettabbli li l-Pjan Lokali jiġi mibdul biex jaġevola ftehim speċifiku, iffirmat wara dahar kulħadd u mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika, minflok permezz ta’ eżerċizzju li jfittex il-ġid komuni, il-ħarsien tal-ambjent, u pjanar sod. Dan jagħmel farsa sħiħa mill-proċess tal-ippjanar. 

L-organizzazzjonijiet jinnutaw ukoll li l-mappa provduta mill-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni ma tindikax liema parti se ssir ODZ u liema parti se tkun allokata għal dan “l-isport ta’ impatt baxx” li tħalla vag u ma ġiex identifikat.

Bħal ma ġie spjegat iktar minn darba mill-komunità ta’ Birżebbuġa u mill-organizzazzjonijiet li qegħdin jappoġġjawhom, din l-airstrip se tħalli impatt enormi fuq ir-residenti għax se jkunu qegħdin jitilfu l-paċi li teżisti bħalissa f’Wied Żnuber għat-tgawdija tal-ftit.  Wied Żnuber huwa wieħed mill-ftit siti naturali li għad baqa’ ġewwa Birżebbuġa u l-madwar; lokal li diġa huwa mgħobbi bi żvilupp żejjed li ħalla impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja.  

Fil-post in kwistjoni hemm diversi siti storiċi prezzjużi, bħad-dolmen preistoriku u x-xelter militari, kif ukoll il-fawna u l-flora protetta ta’ abitat li kull ma jmur qiegħed ikun mhedded – xagħri u blat fejn l-ilma tax-xita jifforma għadajjar. Iż-żona tinsab ukoll fejn sit ta’ Natura 2000 fejn iċ-ċief jagħmel il-bejtiet u sservi bħala buffer bejn dan is-sit protett u l-fabbriki tal-madwar. Airstrip minjatura fiż-żona, apparti li se tieħu art mhux żviluppata, se tkun qed tniġġeż l-inħawi bl-istorbju u d-dwal.

Irrispettivament mid-daqs tal-art li se tieħu din l-airstrip, it-titjir ta’ ajruplani mudelli storbjużi minn dan is-sit fuq medda ikbar, se jkollha impatt invażiv kbir fuq il-wied, l-irdumijiet u l-baħar.

L-organizzazzjonijiet jisħqu li, hekk kif kien imwiegħed mill-Prim Ministru qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Marzu 2022, il-medda ta’ art kollha li tagħmel parti minn Wied Żnuber għandha ssir ODZ biex tipproteġi l-ambjent naturali taż-żona kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa u ta’ dawk li jżuruh.  

Organizzazzjonijiet

Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa

Għaqda Residenti Żurrieq

Moviment Graffitti

BirdLife Malta

Flimkien għal Ambjent Aħjar

Din l-Art Ħelwa

Friends of the Earth Malta

Nature Trust – FEE Malta

Ramblers’ Association Malta

Għawdix