Raġel ta’ 45 sena minn Tas-Sliema jinsab l-isptar jissilet għal ħajtu wara li weġġa’ waqt li kien qed jagħmel xogħol volontarju f’kunvent f’Ħaż-Żabbar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10:15am f’daħla fi Triq il-Mina ta’ Hompesch, meta r-raġel kien qed iħott rombli tat-turf minn fuq vann illi miegħu kellu krejn żgħir.
Mill-ewwel informazzjoni jidher li r-raġel kien qed juża dan il-krejn meta kien qiegħed iħott dan il-materjal fil-kunvent tas-sorijiet. Kien f’dan il-mument meta għal xi raġuni l-vann inqaleb u laqat lir-raġel.

Ir-raġel beda jingħata kura fil-post permezz ta’ CPR, u immedjatament ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Miegħu kien hemm ukoll xi ħaddiema oħra, li kienu qed jassistu f’dan ix-xogħol volontarju.
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku bl-assistenza tal-Pulizija u uffiċjali minn Transport Malta. Waslu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.
//= $special ?>