Floriana kisbu rebħa drammatika b’gowl fil-ħin mogħti żejjed sabiex għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta 3-2 u b’hekk temmew is-sena 2023 weħidhom fil-quċċata tal-klassifika. Kienet partita li setgħet marret naħa jew oħra fejn Marsaxlokk taw daqs kemm qalgħu. Logħba fejn iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti pożittivi tagħhom. Marsaxlokk kellhom bidu tajjeb fejn saħansitra ħasdu lil Floriana, fetħu l-iskor u setgħu kabbruh ukoll biex huma kienu l-aħjar fl-ewwel taqsima. Iżda wara l-mistrieħ Floriana deher tim kompletament mibdul fejn bdew iżidu fir-ritmu tagħhom u baqgħu jemmnu sal-aħħar li jistgħu jiksbu r-rebħa li filfatt waslet bil-gowl ta’ Reid. Tlett punti li apparti li bihom komplew iżommu l-kmand tal-klassifika, jiswew ħafna għall-moral tat-tim hekk kif issa fil-bidu ta’ Jannar imisshom il-konfront dirett kontra Ħamrun Spartans.
Kif kien mistenni Ħamrun Spartans kisbu rebħa komda kontra Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-1 biex komplew iżidu l-pressjoni fuq Floriana. Kienet logħba li l-Ispartans iddominaw mill-ewwel fejn ħadu vantaġġ ta’ tliet gowls fl-ewwel taqsima biex komplew jamministraw il-partita b’ċertu faċilità. Ovjament id-differenza bejn it-timijiet kienet waħda evidenti fejn Ħamrun Spartans kisbu dak li riedu minn din il-partita. Kien importanti li Ħamrun jispiċċaw is-sena b’rebħa hekk kif issa l-konfront li jmisshom huwa kontra Floriana fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar. Mill-banda l-oħra Santa Lucia issa jinsabu b’punti daqs Sirens u Gudja United fl-aħħar post tal-klassifika.
Birkirkara kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 kontra Gżira United bil-gowl tar-rebħa jasal fil-ħin mogħti żejjed tal-partita. B’hekk l-Istripes pattew għad-diżappunt ta’ matul il-ġimgħa wara li sfaw miżmuma fi draw minn Gudja United. Birkirkara kienu l-aħjar fejn saħansitra ħadu vantaġġ doppju iżda sfaw milħuqa mill-Maroons qabel wasal il-gowl minn Diakite. Din ir-rebħa tat ftit tan-nifs lil Birkirkara filwaqt li għall-Maroons din kienet telfa oħra li ħalliethom f’baħar ta’ inkwiet. Fil-fatt Gżira jinsabu fuq 11-il punt, eżatt fuq iż-żona l-ħamra b’punti daqs Mosta u Valletta. Żgur li t-tim immexxi minn Darren Abdilla jrid jitjieb fit-tieni parti tal-istaġun jekk jaspiraw li jevitaw aktar problemi.
F’logħba missielta Balzan u Valletta spiċċaw fi draw li żgur li ma’ jikkuntenta lil ħadd minnhom. Valletta kienu xi ftit aħjar mill-avversarji fejn dehru aktar motivati sabiex jakkwistaw il-punti masssimi li iżda xorta waħda ma’ waslux. Kienet logħba li fiha komplew jiġu esposti l-problemi ta’ Valletta fejn minkejja li kellhom aktar mill-pussess xorta ma’ sabux ix-xibka. Huma s’issa skurjaw tmien gowls biss fi ħdax-il logħba, medja ta’ anqas minn gowl kull partita. Balzan jinsabu ftit aktar komdi f’nofs il-klassifika b’14-il punt iżda jridu jkunu kawti u attenti ħafna peress li nemmen li taqtiegħa sabiex jiġi evitat il-ħdax il-post ser tkun bejn numru ta’ timijiet u sal-aħħar ġurnata. Tal-anqas l-indikazzjonijiet hekk huma.
Sliema Wanderers kisbu rebħa konvinċenti fuq Naxxar Lions bl-iskor finali jkun 4-1 biex issa jinsabu weħidhom fit-tielet post tal-klassifika. B’hekk ikompli l-istaġun pożittiv mill-Blues li mill-ewwel ħdax il-logħba kisbu seba’ rebħiet. Forsi mhux ser ikunu qed jissieltu għall-unuri peress li d-distakk mal-leaders huwa ta’ seba’ punti iżda għal post fl-Ewropa ser ikunu hemm sal-aħħar. Jekk dan iseħħ ikun tragward importanti għalihom wara l-promozzjoni l-istaġun li għadda. Jidher li x-xogħol li għamlet l amministrazzjoni u l-istaff tekniku qed jagħti l-frott. Il-Ħadd quddiemhom kellhom lil Naxxar, tim validu li kiseb diversi riżultati tajbin kontra t-timijiet il-kbar, iżda Sliema kienu wisq għall-avversarji minkejja li t-tkeċċija ta’ Marcilio kienet fattur ieħor li waslet għal din ir-rebħa kbira mill-Wanderers.
Draw ta’ mingħajr gowls bejn Hibernians u Mosta, riżultat ieħor li ma’ kkuntenta lil ħadd. Logħba deludenti għall-aħħar u nieqsa ħafna mill-azzjonijiet. Fil-fatt il-ftit ċansijiet ta’ skor waslu kollha minn Hibernians fejn Akpan kien protagonist f’aktar minn okkażjoni waħda biex salva lit-tim tiegħu. Iżda minkejja l-importanza tal-logħba u l-bżonn tal-punti kemm Hibernians kif ukoll Mosta naqsu li jilħqu xi livelli. Il-Pawlisti naqsu li jkomplu jibnu fuq l-aħħar riżultati fejn mill-aħħar ħames partiti kisbu erba’ rebħiet. Mill-banda l-oħra mhux l-istess jista jingħad għal Mosta fejn dawn kienu tilfu l-aħħar tlett logħbiet tagħhom biex dan il-punt kien ftit tan-nifs għalihom biex tal-anqas ikissru s-serje negattiva.
Finalment waslet l-ewwel rebħa għal Sirens hekk kif huma għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-1. B’hekk b’din ir-rebħa ta’ Sirens huma biss Gudja United li għad iridu jirreġistraw rebħa dan l-istaġun. Riżultat li jara lil dawn iż-żewġ timijiet jaqsmu l-aħħar post flimkien ma’ Santa Lucia, b’6 punti. L-ewwel taqsima kienet dominata minn Gudja li tilfu penalty u ftit wara fetħu l-iskor. Iżda bidu tat-tieni taqsima qawwi dawwar ir-riżultat favur it-tim minn San Pawl il-Baħar fejn b’gowls minn Agius u Donsu ħadu l-vantaġġ li komplew jamministrawh sat-tmiem. Minkejja li xorta waħda t-triq hija waħda twila u iebsa din ir-rebħa tista tfisser il-bidu ta’ aktar riżultati pożittivi minn Sirens.
INNUTAJNA
LI l-President ta’ Floriana Johann Said ippreżenta flokk bin-numru 100 lil Uli Arias fl-okkażjoni tal-mitt logħba tiegħu fil-Kampjonat Premier. Huwa kien wieħed mill-protagonisti fir-rebħa li l-Greens kisbu kontra Marsaxlokk fi tmiem il-ġimgħa.
LI l-Ultras Beltin 999 fi stqarrija kienu iebsin ħafna fil-konfront tal-amministrazzjoni preżenti tal-klabb ta’ Valletta. Fost l-oħrajn qalu li issa huwa ż-żmien li ssir bidla wara ħafna wegħbiet filwaqt li qalu wkoll li huma mhux ser jabbandunaw lit-tim iżda ser isegwuh fis-silenzju.
LI Kailey Willis ingħaqdet ma’ Venezia Femminile wara esperjenzi ma’ Verona u Meran Women. . Dan qed ikompli jikkonferma l-progress li għamlu l-plejers Maltin anki fid-dawl tal-promozzjoni fil-kompetizzjoni tan-Nations League.
//= $special ?>